Qabadni tqalliegħ fl-istonku tiegħi jien u naqra’ l-blog ta’ Simon Mercieca u jien u nosserva l-moħħ marid ta’ sid l-istess Simon Mercieca, Yorgen Fenech. Eżatt bħal dawk li jwaħħlu fil-Lhud bħala ġens għall-qtil ta’ Ġesù Kristu, Simon Mercieca qed iwaħħal f’binha Matthew għall-qtil tagħha.
Huwa kkwota minn intervista li kien ta Matthew Caruana Galizia lill-kollega tiegħi Carlo Bonini li matulha stqarr li kien ipparkja l-karrozza barra d-dar tagħhom fil-Bidnija minħabba vizzju li kellu li jħalliha barra. Skont Simon Mercieca, din hija prova li Matthew Caruana Galizia għandu jerfa’ parti mir-responsabbiltà għall-assassinju ta’ ommu għaliex, li kieku l-karrozza pparkjaha wara l-kanċell, kien ikun aktar diffiċli għall-assassini tagħha li jqiegħdu l-bomba li qatlet lil ommu.
Ser ikollu niġbed l-attenzjoni ta’ Simon Mercieca għal dak li hu stess jaf li huwa minn ewl id-dinja. Li l-loġika tiegħu tfisser li għandna nwaħħlu wkoll fid-ditta li kienet krietilha l-karrozza li fiha tqiegħdet il-bomb, fl-importatur tal-karrozza, fid-ditta li mmuntatha u f’dak li ddisinjaha. U għandna wkoll inwaħħlu f’Alla talli ħoloq il-ħlejjaq kollha li nħolqu.
Loġika bħal din hi assurda għall-aħħar. Ikun jaħti ta’ delitt kull min ikollu intenzjoni li jwettaq delitt. Iżda Simon Mercieca din qed isejjħilha “negliġenza” bħallikieku jeżisti xi obbligu li wieħed bilfors għandu jipparkja l-karrozza wara l-kanċell tad-dar biex jiġi evitat qtil.
Iżda din m’hix kwistjoni ta’ assurdità: hi biss ħażen imxajtan. Li kieku kellna nilbsu ż-żarbun ta’ Matthew Caruana Galizia, anki għal mument biss, m’hemmx dubju li konna nħossu ċerta ħtija u sogħba għall-fatt li ma kienx sar sforz biex il-karrozza tiġi pparkjata wara l-kanċell tad-dar. Iżda fl-istess ħin nafu li Matthew ma kellu ħtija ta’ xejn għal dak li seħħ.
Eżatt bħalma kienu għamlu dawk li kienu vvalenaw il-klieb ta’ Daphne jew dawk li kienu ppruvaw jaħarqulha darha, l-assassini tagħha faċilment setgħu qabżu l-grada tal-kanċell. L-assassini kienu qed jagħżlu liema triq kienu ser jaqbdu biex jeliminaw lil Daphne u waħda minn dawn kienet li joqtluha permezz ta’ tir minn ċertu distanza. Ibqgħu ċerti li kienu jsibu mezz biex jeliminawha ġaladarba kienu jafu li kienu ser jitħallsu tajjeb mill-klijent tagħhom.
U, wara kollox, in-nies ma jinqatlux minn persuni oħrajn għax jipparkjaw il-karrozza barra l-bieb tagħhom. Loġika perversa li tmur tgħid li, għax ma tkunx sid ta’ garaxx, tkun responsabbli għal tqegħid ta’ bomba f’karrozza li tispiċċa biex toqtol lil ommok stess.
Simon Mercieca kiteb li din il-ħdura u dan il-gideb qed jaqlagħhom għaliex l-Imħallfin li qed imexxu l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien messhom talbu spjega mingħand Matthew Caruana Galizia. Skont Simon Mercieca, din tista’ tkun spjegazzjoni alternattiva għaliex kien seħħ l-assassinju ta’ ommu. Speċi ta’ – dan il-każ huwa aktar probabbli li kien każ ta’ matriċidju milli kien qtil iffinanzjat minn sidu Yorgen Fenech bil-għan li jitgħattew delitti kriminali li Daphne Caruana Galizia kienet waslet biex tikxef.
Dan m’huwiex eżerċizzju ta’ libertà tal-kelma. Huwa biss trolling fil-forma estrema tiegħu: bħal meta lil Daphne kienu jsejjħulha saħħara, issa qed jixlu lil binha li kien hu li qatilha. U din il-ħdura u dan il-gideb qed ixxerridhom persuna mħallsa salarju mill-Università ta’ Malta li hi proprjetà tal-Istat.
Nerġa’ ntenni li dan m’huwiex eżerċizzju ta’ libertà akkademika. Din m’hi xejn ħlief ħdura u kompliċità fit-twettiq ta’ delitt iffinanzjat mill-Università. U dan l-aġir jeħtieġ li jitwaqqaf. Jekk Simon Mercieca irid jirrappreżenta lil Yorgen Fenech u lill-interessi tiegħu, mhux biss kontra l-kawża favur il-verità u l-ġustizzja iżda issa wkoll kontra d-diċenza bażika fil-konfront ta’ iben li kien l-aħħar bniedem li ra lill-ommu ħajja, għandu jagħmel dan fil-ħin liberu tiegħu mingħajr ma jilbes il-kappell akkademiku tiegħu li jagħtih il-kredibilità falza li għandu.
Dawk l-akkademiċi kollha li kienu wrew it-tħassib tagħhom dakinhar li ġiet assassinata Daphne għandhom jieħdu azzjoni u jitolbu lis-Senat tal-Università li jkeċċu lil dan iż-żibel ta’ bniedem. Jekk jonqsu li jagħmlu dan, ser tbati bil-kbir il-kredibilità akkademika tagħhom.