Ma’ Anton Rea Cutajar diġà kelli kwistjoni darb’oħra. Kien fl-Għid li għadda meta Repubblika kienet ażżardat tilmenta li l-imġieba tal-gvern fil-konfront tal-immigranti kienet waħda llegali li wasslet għall-mewt ta’ 12 il-ruħ fuq il-baħar.

Dakinhar kont sejjaħtlu Tiger King, jew aħjar, Tiger Kink. Dan il-laqam kont slittu mingħand Malcolm Tucker u lis-Sur Anton Rea Cutajar kont għidltu biex “ibusli l-bajd” għaliex kont konvint li jinħaraq b’diskors bħal dan.

U tgħidx kemm inħaraq! Sa wasal biex heddidni minn fuq it-telefon u kelli nirrappurtah lill-Pulizija. Il-Pulizija lir-rapport li għamiltilhom ħaduh b’serjetà kbira u, għal xi żmien, bgħatuli l-għassa wara biebi. Biżżejjed wieħed isemmi li dan il-bniedem f’idejh għandu armi semi-awtomatiċi u huwa sid ta’ annimali slavaġ. U huwa wkoll qrib ħafna tal-Partit Laburista li għadu sal-lum jagħtih il-kenn. Lil dan inqisu bħal Raubritter li mar lura fiż-żmien u libes iż-żarbun tax-Sherrif of Nottingham ta’ żmienna.

Bħalissa għandu kwistjoni ma’ Alison Bezzina, l-Kummissarju l-ġdida dwar id-drittijiet tal-annimali li nħatret wara snin twil taħdem f’dan il-qasam. Din il-ħatra jien appoġġjajtha iżda għall-bidu kont xi ftit bejn ħalltejn għaliex għal dawn l-aħħar 8 snin ftit kienu l-ħatriet f’Malta li kienu msejsa fuq kriterji ta’ mertu. Lil Alison Bezzina ilni żmien twil ma nkellimha iżda naf fiċ-ċert li hi mara ta’ prinċipju li m’hix ser tibża’ tieħu dawk il-passi li jkunu meħtieġa li jittieħdu.

L-intenzjonijiet tal-gvern li ħatarha jistgħu jkunu differenti. Ikun dnub jekk il-pjanijiet li għandha f’moħħha jisfgħu fix-xejn, iżda mhux ser inkun jien li niskanta b’dan.

Dan l-imbierek ta’ Anton Rea Cutajar mhux biss għandu arja li tqażżek u għandu wkoll ġid li m’huwiex spjegat, iżda huwa wkoll bniedem perikoluż li hedded bil-vjolenza u għandi għalxiex nifhem li jasal biex iwettaqha wkoll. U jidher li għandu l-ħila li jintimida lill-ministri tal-gvern aktar milli għandu l-ħila li jintimida lil Alison Bezzina.

Dan pajjiżna kien ikun pajjiż aħjar li kieku jkollna aktar nies bħal Alison Bezzina f’ħatriet li permezz tagħhom jkollhom is-saħħa li jieħdu d-deċiżjonijiet. Wisq nissuspetta li saħħa li tieħu d-deċiżjonijiet mhux ser ikollha u li pajjiżna huwa pajjiż li fih il-Kink m’huwa ħadd ħlief Anton Rea Cutajar.

Dan l-imbierek ċertament jaħseb li huwa tassew il-Kink. U ma nagħtiħx tort li jaħseb hekk: għaliex għal dan il-bniedem jidher li ma jgħoddux il-liġijiet li jgħoddu għall-bqija tal-poplu.

Min jaf jekk, minħabba l-ħatra l-ġdida li għandha, Alison Bezzina hix ukoll qed iżomm lura milli tgħidlu li dak li nissuspetta jinsab fuq il-ponta ta’ lsienha: jiġifieri li tibgħatu jixxejjer.

Sur Anton Rea Cutajar, issa li qrajt s’hawn, toqgħodx iċempilli.