Fl-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech ma ħa ebda pass legali. Hu minnu li huwa qabbad lill-avukati biex, għan-nom tiegħu, jiktbu ittra twila li fiha kkwotaw biżibilju ta’ liġijiet. Iżda din l-ittra ntbagħtet lil diversi persuni li ebda wieħed minnhom m’għandu s-setgħa li jwettaq dak li qed jitlob, anki jekk ikunu qed jaqblu miegħu.
Ilmenta mal-Kunsill tal-Ewropa li t-tkomplija tal-inkjesta qed tikser id-drittijiet fundamentali tiegħu u, lil din l-entità li taħdem minn Strasburgu, talabha sabiex tintervjeni u twaqqafha. Issa l-avukati ta’ Yorgen Fenech jafu ben tajjeb li jekk il-klijent tagħhom qed iħoss li qed jinkisru d-drittijiet fundamentali tiegħu, kulma għandhom jagħmlu hu li jirrikorru għall-qorti u mhux li jagħmlu lment ma’ organizzazzjoni politika inter-parlamentari.
U dan speċjalment ma’ organizzazzjoni politika inter-parlamentari bħalma hi l-Kunsill tal-Ewropa li għandha ħeġġa kbira biex issir taf kif Malta rnexxielha li toqtol ġurnalista li kienet tikkritika lill-gvern bl-aħrax.
L-inkjesta ilha taħdem għal aktar minn sena. X’hemm wara dan il-paniku kollu biex l-inkjesta tikkonkludi x-xogħol tagħha? X’inhi r-raġuni li Yorgen Fenech ingħaqad bi ħġaru mal-kampanja ta’ Robert Abela biex jara’ li l-inkjesta ma tkomplix tiġbor il-provi?
Ma nafx x’inhu għaddej f’moħħhom iżda jien kapaċi li nagħmel dawk l-osservazzjonijiet dwar dak li kulħadd qed jara b’għajnejh.
L-inkjesta ma saritx biex tara Yorgen Fenech huwiex ħati jew le. Huwiex ħati jew le qed jarah il-proċess kriminali li Yorgen Fenech jinsab għaddej minnu fil-qorti, liema proċess ser ikompli jkunu x’ikunu l-konklużjonijiet tal-inkjesta. Madankollu jista’ jagħti l-każ li l-inkjesta tkun interessata li ssegwi l-provi li qed jinġabrui waqt il-kumpilzzjoni ta’ Yorgen Fenech.
Ippermettuli nispjega.
X’jeħtieġ li tagħmel il-kumpilazzjoni li qed issir fil-konfront ta’ Yorgen Fenech? Xogħolha jikkonsisti fis-smiegħ tax-xhieda u fil-ġbir ta’ provi dokumentati li jkunu mbagħad jistgħu jintużaw kontrih f’ġuri kapitali. L-investigaturi setgħu wkoll saru jafu b’informazzjoni oħra interessanti. Iżda jekk ma tkunx waħda li tipprova li kien kompliċi fid-delitt tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, din l-informazzjoni ma tistax titqies rilevanti.
L-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia x’inhu dak li huwa meħtieġ li tagħmel? Din l-inkjesta hi meħtieġa li tisma’ x-xhieda u tiġbor provi dokumentati li jistgħu isostnu (jew jiċħdu) l-ipotesi li l-Istat Malti naqas – intenzjonalment jew b’negliġenza – li jipproteġi l-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia u li għaldaqstant għandu jerfa’ xi responsabbiltà għall-assassinju tagħha. Din l-ipotesi hi msejsa fuq il-ħsieb li l-Istat ippermetta u xettel ambjent ta’ impunità li, lil dawk li qatlu lil Daphne, seta’ tahom x’jifhmu li setgħu joqtlu lil Daphne mingħajr ma jħallsu ta’ għemilhom.
Fil-ġuri kontra Yorgen Fenech, il-prosekuzzjoni jkun jeħtieġ li tipprova li hu kellu l-intenzjoni li joqtol lil Daphne Caruana Galizia. Il-prosekuzzjoni ma jkunx meħtieġ li tipprova x’motiv seta’ kellu biex jaraha maqtula, iżda motiv bħal dan jista’ jgħin biex tinstab il-ħtija. S’issa mix-xhieda li nstemgħat irriżulta li Yorgen Fenech kien inkwetat li Daphne x’aktarx kienet waslet biex tikxef ir-relazzjoni korrotta li dan kellu ma’ Keith Schembri u ma’ Konrad Mizzi u li għalhekk setgħet twaqqaf il-kuntratt tal-Electrogas.
Dan huwa rilevanti għall-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda b’mod differenti. Għaliex sabiex tasal għal konklużjoni dwar jekk kienx hemm stat ta’ impunità jew le, l-inkjesta m’għandhiex għalfejn u m’hix ser tasal għal konklużjoni li Yorgen Fenech huwa kompliċi fil-qtil tagħha. Kulma jkun jeħtieġ li tistabilixxi l-inkjesta hu dwar jekk Yorgen Fenech kellux relazzjoni korrotta ma’ Keith Schembri u ma’ Konrad Mizzi jew le, u li t-tlieta li huma flimkien ma’ oħrajn ħasbu li setgħu jgħadduha lixxa.
Barra minn hekk, kull prova li tista’ tkun irrelevanti fil-kumpilazzjoni li qed issir kontra Yorgen Fenech (u li għaldaqstant ma tkunx tista’ tinġieb fil-proċeduri kriminali) tista’ tkun rilevanti biex il-membri tal-bord tal-inkjesta ikun f’pożizzjoni aħjar biex jifhmu kemm kienu wiesgħin il-korruzzjoni u l-impunità.
Per eżempju, x’kwalità ta’ relazzjoni hemm bejn il-politiċi u n-negozjanti l-kbar? Jeżistu ħlasijiet li ma jidhrux u li m’humiex dokumentati li jsiru lill-politiċi u lill-partiti politiċi? Il-politiċi qed jingħataw rigali lussużi? Din il-marda ma taħkimx lill-politiċi biss. Tista’ taħkem lill-imħallfin, lil impjegati tal-gvern, lill-prosekuturi, lill-membri tal-korp tal-pulizija, lir-regolaturi, lill-ġurnalisti u lis-sidien tal-mezzi tax-xandir. Teżisti xi xibka moħbija f’dan il-pajjiż imsejjaħ demokratiku li ma jistax ħlief ifisser li ninsabu maħkumin mis-swaba ta’ qarnita feroċi?
Ikun raġjonevoli jekk wieħed jasal għall-konklużjoni li dawn il-mistoqsijiet jistgħu jiġu mwieġba permezz tal-provi li ġabru l-investigaturi fil-każ li qed jitmexxa’ fil-qorti kontra Yorgen Fenech. Diġa’ smajna stejjer li jwaħħxu mill-messaġġi ta’ Yorgen Fenech: dawk li hu riedna li nkunu nafu bihom u oħrajn li ma xtaqniex li nsiru nafu li jeżistu.
Smajna stejjer dwar imbejjed fini u lussużi, arloġġi jiswew l-eluf, ikliet familjari f’razzett, safar u alloġġ f’lukandi barra minn Malta, eċċetra.
U issa wasalna fi stadju li fih qed jitwaħħdu l-interessi tad-diversi swaba ta’ din il-qarnita. Kemm Robert Abela kif ukoll Yorgen Fenech qed jagħmlu minn kollox biex iwaqqfu lill-inkjesta u biex din ma tkomplix tisma’ xhieda li għadha ma nstemgħetx fil-kumpilazzjoni kriminali.
Kull min qed isegwi l-proċess tal-kumpilazzjoni jaf li l-avukati ta’ Yorgen Fenech qed jagħmlu minn kollox biex itawwlu. Dan qed jagħmluh għal diversi raġunijiet li huma bla bażi, liema raġunijiet m’humiex ser iwasslu għal xi dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ ħtija fil-konfront tal-klijent tagħhom
Id-data tal-15 ta’ Diċembru li, s-sajf li għadda, Robert Abela ddeċieda li l-inkjesta għandha ttemm ix-xogħol tagħha kien issa ilha żmien twil tberren f’moħħ dawk li ma jridux lill-inkjesta tissokta bix-xogħol tagħha u biex tasal għall-konklużjoni li l-Istat Malti tabilħaqq għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-mafja ma tridniex nemmnu li teżisti.