F’mument ta’ żlealtà diretta lejn il-“ħabib” u eks imgħallem tiegħu Joseph Muscat, lil Jason Azzopardi dalgħodu waqt is-smiegħ tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Keith Schembri qallu li sa Marzu huwa kien diġà jaf li l-elezzjoni ġenerali tal-2017 kienet ser tissejjaħ f’Ġunju.

Diskors bħal dan mhux ser iwaqqa’ s-suspetti li għandi li fil-fatt huwa kien jaf li kienet ġejja l-elezzjoni ferm qabel Marzu. Iżda x-xahar ta’ Marzu huwa wieħed ta’ tifsira kbira għaliex jaħbat xahar sħiħ qabel dak li dejjem insista dwaru Joseph Muscat – l-istess persuna li kellu s-setgħa kostituzzjonali li jsejjaħ elezzjoni bikrija – fis-sens li kien iddeċieda li jsejjaħ elezzjoni sena qabel iż-żmien.

Kien fl-1 ta’ Mejju 2017 li Joseph Muscat ħabbar l-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju. Dan kien sebat ijiem wara li Daphne Caruana Galizia kienet xandret l-istorja li kien hemm firma ta’ Michelle Muscat fuq dokumenti ta’ Pilatus Bank li kienu jippruvaw li hi kienet sidt il-kumpannija sigriet Egrant.

Dak iż-żmien, lill-istorja dwar Egrant Joseph Muscat kien sejjħilha “l-akbar gidba fl-istorja politika Maltija”, li din l-istorja kienet qed tiddistabilzza lill-pajjiż u li kien jeħtieġ li tissejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija minħabba l-gideb li kienu qed jinxterdu.

Aktar tard, id-dikjarazzjoni li kien għamel fl-1 ta’ Mejju sejjħilha riżenja u dan bħala konsegwenza naturali ta’ rapport fl-istampa li – għalkemm kien ċaħdu – xela’ lilu u lil martu li kienu ħbew flus ġejjin mit-tixħim barra minn Malta.

Għaldaqstant in-narrativa ta’ Joseph Muscat – narrativa li issa nkixfet minn Keith Schembri bħala waħda giddieba – kienet din: minħabba dak li f’April kienet kitbet dwaru Daphne, kienet ser tissejjaħ elezzjoni ġenerali għal Ġunju f’Mejju.

Fil-għaxar jum tal-kampanja elettorali, Joseph Muscat kien stqarr li “isem Malta kien qed jiġi mħammeġ mill-Bidnija”, stqarrija b’riferenza ovvja għal Daphne Caruana Galizia, u li kien jeħtieġ li hu jiġi konfermat fil-gvern sabiex isem Malta ma jibqax jitħammeġ.

Minn dakinhar ‘l hawn, Joseph Muscat baqa’ jgħid li din kienet ir-raġuni l-għala kien sejjaħ elezzjoni bikrija: minħabba l-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia u li d-deċiżjoni li tissejjaħ elezzjoni ġenerali qabel iż-żmien kienet saret biex ma tibqax issir ħsara lill-pajjiż.

Dak iż-żmien Daphne Caruana Galizia wriet ċertu xettiċiżmu dwar l-iskuża uffiċjali li kien ġab Joseph Muscat fis-sens li kien qed isejjaħ elezzjoni bikrija minħabba l-kitba tagħha dwar Egrant. Daphne kienet stqarret fil-beraħ li kellha dubji dwar il-vera raġuni l-għala l-elezzjoni kienet issejjħet tant bil-quddiem u saħqet li għallinqas Christian Kaelin ta’ Henley & Partners kien ammetta magħha li kien ilu jaf għal xi żmien li elezzjoni kienet wara l-bieb u ferm qabel ixxandret l-istorja tal-Egrant.

Keith Schembri llum ma tax tweġiba sodisfaċenti għall-mistoqsija dwar x’kienet ir-raġuni l-għala l-elezzjoni ssejjħet meta ssejjħet u  jibqa’ jidwi s-suspett li d-data tal-elezzjoni seta’ kellha x’taqsam mal-possibilità li kien hemm min kien jaf minn qabel bil-pjan biex tinqatel  Daphne Caruana Galizia.

Peress li sas-sena li għaddiet Keith Schembri kien għadu ħaġa waħda ma’ Joseph Muscat u dan ikkonferma li Joseph Muscat dakinhar kien gideb u baqa’ jigdeb dwar ir-raġuni li għaliha kienet issejħet elezzjoni bikrija, s-suspett li r-raġuni vera għal dan kienet waħda ħafna aktar serja baqa’ jidwi.

Il-bord tal-inkjesta llum stqarr li l-mistoqsijiet li kien qed jagħmel Jason Azzopardi kienu interessanti. U min segwa l-proċess kollu tal-inkjesta ma jistax ma jaqbilx ma’ stqarrija bħal din. Madankollu l-imħallfin tal-bord qalu li interessanti kemm kienu interessanti, dawn il-mistoqsijiet kienu ta’ natura “politika” u ma setgħux isiru.

Għal darb’oħra, ikolli ngħid li nħossni mnikket. L-inkjesta qed tgħarbel il-kwistjoni dwar jekk deċiżjonijiet li kienu ttieħdu mill-gvern (jew inkella deċiżjonijiet li ma kienux ittieħdu) ħolqu ambjent li ppermettew lill-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia li jippjanaw il-qtil tagħha.

Issa dakinhar li Joseph Muscat gideb dwar ir-raġunijiet li għalihom kien sejjaħ elezzjoni bikrija (kif ikkonferma llum dak li kien ħaġa waħda miegħu) u bis-saħħa ta’ din il-gidba waħħal f’Daphne Caruana Galizia għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni, l-Imħallfin m’għandhomx jaraw jekk dan kienx ikkontribwixxa għall-ambjent li qegħdin jgħarblu?

Ftakru biss f’dak li kien qed jistqarr Joseph Muscat dak iż-żmien dwar Daphne: li, għal ġieħna, din kienet qed tiddistabilizza lill-pajjiż! Hu u jgħatti l-veri motivi tiegħu, kien qed jigdeb dwarha u xlieha b’sedizzjoni u qiegħdha fiċ-ċentru tal-gideb li kien qed jivvinta dwar it-tħammiġ ta’ isem Malta.

Il-gideb ta’ Joseph Muscat imbagħad ġie segwit bl-intimidazzjoni, bil-buljar, bit-trolling, bil-vjolenza u bl-iżolament tagħha mill-eluf ta’ segwaċi leali tiegħu. U fit-tranja tal-mewġ tal-akbar gidba fl-istorja politika Maltija kien inqabad saħansitra anki l-PN bis-saħħa tal-kampanja #galiziabarra.

Il-gidba ta’ Joseph Muscat dwar ir-raġuni l-għala kienet issejjħet elezzjoni kmieni kienet tixbaħ il-gideb tal-priedka fi Clermont. Kienet gidba li tat bidu għal kruċjata vjolenti sabiex jirrendi lil Daphne “irrelevanti”, biex nuża kliemu. U din il-kruċjata ta’ gideb li nbdiet fl-1 ta’ Mejju 2017 ntemmet bl-assassinju tagħha.

Iva, din hi kwistjoni politika. Iżda l-inkjesta ma tistax iddawwar wiċċha n-naħa l-oħra.