Meta l-bieraħ Joseph Muscat ta x-xhieda tiegħu fil-kawża li Adrian Delia għamel kontra l-gvern, huwa xehed li l-famuża klawżola ta’ terminazzjoni ta’ €100 million li ddaħħlet fil-kuntratt ma’ Vitals Global Healthcare – liema kuntratt imbagħad għadda f’idejn Steward Health Care – “kienet iddaħħlet biex tiggarantixxi s-self tal-bank b’mod biex ma jkunx hemm ksur tal-liġijiet Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat”.

Meta għamel din l-istqarrija Muscat ikkonferma pubblikament li din il-klawsola kienet iddaħħlet biex jiġu evitati l-effetti tal-liġijiet Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-liġijiet dwar l-għajnuna mill-Istat kienu tfasslu sabiex il-gvernijiet ma jkunux jistgħu jużaw flejjes tal-poplu (jew li jwiegħdu li jużaw flejjes tal-poplu f’każ ta’ xi saram) biex jiffavorixxu negozju kummerċjali fuq ieħor jew biex igħinu lil negozju jżomm fil-wiċċ meta f’ċirkostanzi ta’ realtà ekonomika normali kien ikollu jerfa’, li kieku ma jkunx għall-intervent tal-gvern.

Araw x’qal il-bieraħ Joseph Muscat: “Għaldaqstant, biex inkunu nistgħu nevitaw in-nasba tal-għajnuna mill-istat, f’każ li l-kuntratt jiġi annullat mill-qorti, l-gvern kien jieħu lura l-iskola medika u jagħmel tajjeb għaliha”.

Din l-istqarrija tal-bieraħ ta’ Joseph Muscat ma kienitx ħlief ammissjoni indiretta. Tal-Vitals ma setgħux igħaddu u jkampaw mingħajr il-kuntratt li l-gvern iffirma magħhom. Iżda l-possibilità li l-kuntratt jiġi annullat minn xi qorti kienet ta’ inkwiet kbir għall-banek li kienu ntalbu jipprovdu l-finanzjament għall-proġett. Mingħajr l-intervent tal-gvern, il-proġett ma kienx ikollu l-finanzjament meħtieġ u kien imut qabel jitwieled. U għaldaqstant il-gvern aktar tard intervjena u ddeċieda li jdaħħal klawżola ta’ terminazzjoni li ma tagħmel ebda sens ekonomiku.

Dan l-intervent tal-gvern kiser ir-regolamenti Ewropej dwar għajnuna mill-Istat. Dawn ir-regolamenti ma tfasslux biex il-gvernijiet jivvintaw metodi dwar kif ikunu jistgħu jagħmlu użu illegali minn flejjes tal-poplu sabiex negozju privat ikun jista’ jintefgħalu salvawomu. Dawn ir-regolament tfasslu biex il-gvernijiet ma jkunux jixħtu dan is-salvawomu.

Il-gvern ma jistax legalment jibqa’ “jbażwar ‘l hawn u jbażwar ‘l hinn.”

M’hix skuża jew ġustifikazzjoni l-insistenza ndiretta li għamel Joseph Muscat fis-sens li sinjal li Edward Scicluna qed jiżmaga meta l-eks ministru tal-finanzi stqarr li ma kienx jaf b’xejn dwar il-klawżola ta’ €100 miljun li kien daħħal Konrad Mizzi. M’huwiex daqstant importanti l-kwistjoni dwar jekk Edward Scicluna kienx jaf jew le bid-dħul ta’ din il-klawżola qabel ġie ffirmat il-kuntratt. Joseph Muscat insista li l-membri kollha tal-kabinett kienu jafu bid-deċiżjoni li tiddaħħal din il-klawżola u dan ma jistax ħlief ifisser li m’huwiex Konrad Mizzi waħdu responsabbli għal dan: huwa responsabbli l-gvern kollu ta’ Joseph Muscat.

Din il-kwistjoni, lil Joseph Muscat u l-membri tal-kabinett tiegħu ejjew nerħulhom biex jiġġielduha bejniethom. Iżda waqt li huma qed jinfexxu jwaħħlu f’xulxin, il-pajjiż jinsab mgħobbi bi problema kbira f’ħoġru.

Skont il-liġi Ewropea, meta gvern jikser ir-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat, dan ikun jeħtieġ li jreġġa’ lura l-impenji kollha li jkun leħaq għamel. F’dan il-każ, ma saru ebda ħlasijiet u għaldaqstant m’hemm xejn x’wieħed ireġġa’ lura.

Madankollu din il-klawżola tagħti lil Steward Health il-vantaġġi kummerċjali kollha li m’għandu ebda negozju privat. Kull negozju jista’ jgħaddi minn riskju li jara kuntratt li jkun iffirma annullat minn xi qorti. M’għandniex xi ngħidu, kull negozju li jkun irid joqgħod għal dak li tgħid il-liġi jara kif jagħmel biex il-kuntratt li jkun b’ħsiebu jiffirma jkun wieħed legali. U jnaqqas ir-riskju billi jiżgura li ma jidħolx għal kuntratti li jistgħu jiġu annullati mill-qorti.

Tal-Vitals (u aktar tard Steward) dan m’għamluħx. Il-klawżola in kwistjoni hi realtà u jekk issir investigazzjoni dwar għajnuna mill-Istat, jista’ jagħti l-każ li din il-klawżola tiġi dikjarata nulla. U jekk din il-klawżola tiġi dikjarata nulla, tixxellef il-garanzija tal-bank li pprovda l-finanzjament. U jekk jinxef il-finanzjament, il-proġett imur il-baħar.

Din hi r-raġuni l-għala l-intervent tal-istat fl-ekonomija m’huwiex permess b’liġi. Għaliex fil-biċċa l-kbira tad-drabi, n-negozji jagħmlu għażliet bis-sens. Il-kuntratt dwar l-isptarijiet m’huwiex wieħed li jagħmel sens mhux biss għaliex legalment huwa wieħed miżgħud bir-riskji iżda għaliex dan il-gvern ipprova jbenġilha bis-saħħa tal-infieq ħażin ta’ flus il-poplu.

Min jaf għadx ikun hawn xi ħadd li jitħajjar jibgħat kopja tax-xhieda li ta Joseph Muscat lill-Kummissjoni Ewropea?