X’aktarx li l-konferenza stampa li ta l-bieraħ Robert Abela ssaħħaħ sew il-fehma ta’ min jidhirlu li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż m’humiex jaħdmu kif suppost qed jaħdmu.
Agħtu daqqa t’għajn lejn il-kitba li ġejja ta’ Alessandra Dee Crespo li tiġbor fiha s-sens ta’ dak li diġà għaddejna minnu fl-imgħoddi.
It-teatrin tal-bieraħ qabblitu mal-konferenza stampa li kien ta Joseph Muscat dakinhar li ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia. Jien nasal ukoll biex inqabblu ma’ konferenza stampa oħra li Joseph Muscat kien ta xi ġimgħat wara, jiġifieri dakinhar li Ċensu “l-Koħħu” Muscat flimkien ma’ disa’ minn nies oħra kienu ġew arrestati u meta kontrih u kontra tnejn oħra inbdew proċeduri kriminali li, fil-każ tiegħu, ntemmu b’ammissjoni u b’piena ta’ ħabs mill-qorti.
F’dawn it-tliet okkażjonijiet, il-prim ministri tagħna lid-dinja qalulha li Malta għandha l-għodda meħtieġa u tinsab determinata li tara li sseħħ il-ġustizzja fil-konfront tal-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia. U f’kull waħda minn dawn it-tliet okkażjonijiet, il-prim ministri tagħna gidbu.
Bi kliem meqjus, Martina Farrugia wriet b’mod elokwenti li r-rabta li għamel Robert Abela bejn il-kundanna ta’ Ċensu Muscat u l-mod kif qed jaħdmu l-istituzzjonijiet ma kienet xejn ħlief ħmerija grassa.
Nażżarda nżid li Robert Abela pprova jagħmel attentat infantili biex jieħu l-mertu hu a spejjeż tal-istituzzjonijiet li ried ibellagħhielna li kien qed ifaħħar. Huwa stqarr li l-gvern “kien wettaq ir-riformi meħtieġa biex l-istituzzjonijiet setgħu jaħdmu u jġibu r-riżultati”.
Skużi ta, imma liema kienu r-riformi li wasslu biex Ċensu Muscat ġie sentenzjat mill-qorti? Il-Koħħu kien ilu minn April 2018 jittallab mal-Pulizija biex jingħata sentenza inqas ħarxa bi tpartit ma’ informazzjoni dwar id-delitt. U ilu minn dakinhar ‘l hawn jikxef l-informazzjoni mal-Pulizija. Ma saru ebda riformi fis-sistema tal-ġustizzja li setgħu għamlu xi nitfa differenza.
Barra mill-wiċċ sfiq ta’ Robert Abela, hemm ukoll kwistjoni oħra. Robert Abela ġenwinament jemmen li l-istituzzjonijiet tagħna qegħdin jaħdmu u li għandhom il-ħila li jissieltu kontra l-kriminalità serja, kontra l-korruzzjoni u kontra l-kriminalità organizzata? Jew inkella jrid lid-dinja dan temmnu minkejja l-fatt li jaf li dan mhux minnu? X’aktarx li kien għalhekk li, f’ħin minnhom, qaleb diskorsu għall-Ingliż fil-konferenza stampa tal-bieraħ.
Hi x’inhi t-tweġiba, Robert Abela qed jiċħad is-sewwa magħruf b’mod perikoluż. Kien qisu bniedem xurban jiċħad li jinsab maħkum minn problema tax-xorb.
Robert Abela jiċħad li f’Malta għandna problema bil-kriminalità organizzata. Robert Abela jiċħad li politiċi korrotti baqgħu jgawdu l-impunità. Robert Abela jiċħad li grupp ta’ kriminali vjolenti li huma magħrufin mal-Paulizija u mill-pubbliku in ġenerali jistgħu jisparaw, jisplodu, joqtlu, jferu, jisirqu u jikkuntrabandaw kemm iridu, huma u jħaddmu r-ristoranti u jagħmlu s-safriet fuq jottijiet lussużi.
Kif qatt jista’ jkollna l-fiduċja li l-Istat Malti għandu l-ħila li jkisser mafja li jibqa’ sal-lum jiċħad li teżisti?
Kif qatt nistgħu nittamaw li l-istituzzjonijiet tal-Istat jinsabu ffukati fuq il-qerda tal-qarnita li tinsab iggranfata ma’ pajjiżna meta għandna prim ministru li proprju l-bieraħ deherlu li kellu għalxiex jiftaħar bih innifsu?
Wiċċhom sfiq u ma jafux jistħu. Wara 41 xahar li matulhom seħħew l-akbar oltraġġi kontra d-demokrazija f’Malta u l-assassinju ta’ ġurnalista li kienet ukoll mart, omm, bint u oħt, kellhom biss il-ħila li jibgħatu persuna li ammetta l-ħtija, l-ħabs għal 15 il-sena.
Il-famużi istituzzjonijiet li għandna ma kellhomx il-ħila li jġibu provi dwar il-ħtija ta’ xi ħadd għal dan il-delitt. Dawn l-istituzzjonijiet ma kellhomx il-ħila li jressqu quddiem ġuri u li jaraw li jiġu kundannati persuni li għandhom id-dritt tal-preżunzjoni tal-innoċenza.
Din m’hix kwistjoni dwar xogħol li jwettqu l-Pulizija, l-Prosekuturi, l-Maġistrati, l-Avukati, l-Imħallfin, il-gwardjani tal-ħabs u dawk kollha li jirriskjaw ħajjithom fuq quddiem nett.
Din m’hi xejn ħlief kwistjoni dwar in-nuqqas ta’ ħila li għandhom l-istituzzjonijiet li jgħarblu sewwa l-provi li għandhom kontra qattiela perikolużi. Hi kwistjoni dwar in-nuqqas ta’ ħila tal-istituzzjonijiet li jaraw li xhud ewlieni dwar id-delitt tas-seklu ma jippruvax ineħħi ħajjtu b’sikkina li taqta’. Hi wkoll kwistjoni dwar in-nuqqas ta’ ħila tal-istituzzjonijiet li jwaqqfu kap tal-mafja milli jipprova jbeżża’ b’Alla lil dawk li qed jippruvaw iżommuh maqful fil-ħabs.
M’hemmx dubju li dak li seħħ il-bieraħ jista’ jqarribna lejn il-ġustizzja. Iżda issa ilna 3 snin sħaħ ngħixu bit-tama. Qatt ma bsarna li qattiel kważi ser igħaddiha lixxa b’piena ta’ 15 il-sena ħabs biss. Għalija l-qtil bi tpartit ma’ ħlas ta’ flus, il-parteċipazzjoni f’konġuri mafjużi u att terroristiku kontra d-demokrazija u kontra l-istat jimmeritaw piena ferm akbar.
Fil-frattemp nittamaw li jkun hemm ċaqlieq li jwassal biex l-aħwa Degiorgio u Yorgen Fenech jieklu l-ikla ħabs għal għomorhom li ħaqqhom. Nittamaw li dan iċ-ċaqlieq iwassal ukoll biex pajjiżna jeħles mill-aħwa Agius u minn Jamie Vella. U nittamaw ukoll li jsir suf l-attentat ovvju ta’ Robert Abela biex jipprova jgħatti xtur ministri tal-kabinett tal-imgħoddi u tal-lum.
Iżda t-tama biss m’hix biżżejjed. Bit-tama biss ma nistgħux inserrħu rasna li pajjiżna għandu r-rieda u l-ħila li jeqred il-kriminalità organizzata. Hi t-tama li tibqa’ torbotna ma’ dan il-pajjiż li konna naħsbu li hu tagħna iżda li issa nafu li fil-fatt huwa ta’ Yorgen Fenech u sħabu l-multi-miljunarji li jinsabu mehdijin itellgħu t-torrijiet, ixaħħmu l-politiċi u jaħtfu l-kuntratti.
Fl-2016, Yorgen Fenech kellu s-saħħa li jiddeċiedi min mill-ministri kellu jibqa’ f’postu u min kellu jitneħħa. Il-Panama Papers? Ħadd ma ġie jaqa’ u jqum? Keith Schembri u Yorgen Fenech kienu qishom aħwa.
Jidher li Yorgen Fenech għad għandu s-saħħa li jiddeċiedi min mill-Ministri għandu jżomm postu u min minnhom għandha tiddabbrilhom rashom. Mhux ser nasal biex nistqarr li Rosianne Cutajar stmata daqslikieku kienet oħt Yorgen Fenech. Iżda li huwa ċert hu li lil dawn ħadd ma jkun jista’ għalihom kemm il-darba Yorgen Fenech ikun xaħħamhom, kiel magħhom jew kellu x’jaqsam sesswalment magħhom.
Kien hu li ddeċieda x’kellu jixxandar fl-Orizzont. Ippretenda wkoll li kellu jiddeċiedi hu min kellu jiġi elett fil-Parlament Ewropew. U għadu sal-lum jippretendi li jxaħħam lill-ġurnalisti tat-Times of Malta biex dawn ipinġuh ħelu.
Għiduli intom kif, f’nofs dan it-taħwid kollu, qatt nistgħu nkomplu nsaħħu t-tamiet tagħna? Il-verità hi li jekk ma nibqgħux ninsistu għall-ġustizzja, l-Koħħu ma jkollux għalfejn joqgħod jinkwieta dwar kif ser ikun jista’ jibqa’ jżomm ruħu qawwi u sħiħ għas-6 snin li ġejjin fil-ħabs u għall-bqija ta’ ħajjtu.
M’għandniex għalfejn noqgħodu ntaptpu fuq spallejna li wasalna s’hawn. M’għandna ebda ġibda għat-taptip fuq l-ispallejn. Il-kuxjenza tagħna tinsab imtaqqla’ għall-fatt li lil Daphne konna ħallejniha tissielet weħidha. Iżda l-aħwa Degiorgio, l-familja Fenech, l-aħwa Agius, Vella, Cutajar, Valletta, Cardona, Mizzi, Schembri, Muscat, Portelli, Delia, Zammit Lewis u Abela jistgħu jibqgħu ċerti fuq ħaġa waħda.
Meta Joseph Muscat kien ftaħar bl-arrest ta’ Ċensu Muscat, ma kienet inqalbet ebda paġna. L-istess ma ntemm xejn meta Robert Abela ftaħar bil-piena li ngħatat lill-Koħħu.
Bil-kemm għadna bdejna. U ġaladarba l-istituzzjonijiet m’humiex jaħdmu kif suppost qed jaħdmu, nafu li għad fadlilna ħafna x’naqdfu biex iseħħ il-ġustizzja.