Bħall-lum ħames snin ilu, Daphne Caruana Galizia kienet xandret artiklu dwar ħaruf tan-New Zealand li kien lest għall-qatla fil-festi tal-Għid. Din kienet l-istorja li tat bidu għall-iskandlu tal-Panama Papers.

Joseph Muscat baqa’ sal-aħħar nifs jiddefendi u jagħti l-kenn lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri. Kemm hu kif ukoll huma kienu qaqoċċa ma’ Yorgen Fenech u flimkien, b’sens ta’ lealtà jew għax kienu mbeżżgħin minn xulxin, baqgħu jirreżistu sakemm Yorgen Fenech spiċċa l-ħabs jistenna’ biex igħaddi ġuri.

Bis-saħħa ta’ protesti popolari li ma qatgħu xejn u t-tħarbit li kien hawn fil-pajjiż, gvern sħiħ kellu jwarrab. U dan biex ma nsemmix il-ħsara – li qed tidher dejjem aktar irriversibbli – li saret lir-reputazzjoni ta’ Malta f’għajnejn id-dinja. Ir-ras iebsa tagħhom, id-diprezz tagħhom lejn kull forma ta’ protesti, l-appelli ipokriti tagħhom favur l-għaqda u x-xiljiet tagħhom ta’ tradiment, issarrfu f’weġgħat u ħsara kbira għal pajjiżna.

Waqt li kienet qed isseħħ din il-ħsara kollha, Robert Abela kien qrib ħafna ta’ Joseph Muscat. Wieħed kien jistenna’ li hu ħa tagħlima minn din l-esperjenza. Iżda, milli jidher, minħabba l-lealtà jew inkella l-biża’ li għandu minn Yorgen Fenech – jew forsi għax hu wkoll kompliċi – bl-istess motivazzjonijiet li kellu Joseph Muscat 5 snin ilu, qiegħed iwebbes rasu. Jew hekk, jew inkella moħħu ma jlaħħaqlux.

Il-fatt li Rosianne Cutajar tħalliet fil-kabinett tal-ministri u ma tkeċċietx mhuwiex aċċettabbli daqskemm ma kienx aċċettabbli għal Joseph Muscat meta baqa’ ma keċċiex lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi wara l-2016.

Il-fatt li Rosianne Cutajar naqset li tiċħad l-akkużi li sarulha u  qagħdet iddur mal-lewża ma jistax ħlief ifisser li, bħala uffiċjal governattiv, ikkonfermat li kienet ħabiba mill-qrib ma’ Yorgen Fenech. Ma jistax ħlief ifisser ukoll li serviet ta’ għodda biex il-mafja tkompli tinfirex fl-amministrazzjoni tal-pajjiż.

Din il-kwistjoni parzjalment għandha x’taqsam ukoll mal-misteru dwar jekk Rosianne Cutajar kienx qed ikollha relazzjonijiet fiżikament intimi ma’ Yorgen Fenech. Minkejja l-bżieq kollu li ħliet dwar id-drittijiet tan-nisa u d-dritt sagrosant tal-privatezza, r-relazzjoni li kellha miegħu – anki li kieku kienet biss waħda platonika – frankament hi waħda li tqalla’ l-istonku u hi raġuni li għandha twassalha biex twarrab. Ċertament għandha kull dritt li tesprimi l-fehma li min jitqaħħab għall-flus ikun qed “iwettaq xogħol leġittimu”. Iżda mill-banda l-oħra, mhux leġittmu jekk deputata parlamentari u ministru tal-gvern ikollha x’jaqsam sesswalment bi tpartit għal kollaborazzjoni kriminali. Imġieba bħal din tammonta għal tradiment.

Rosianne Cutajar għadha qatt ma kkonfermat li kellha x’taqsam sesswalment ma’ Yorgen Fenech, iżda t-tlaqliq li laqalqet jikkonferma huwa diffiċli għaliha biex tiċħad. F’Lulju 2020 lit-Times of Malta qaltilha li ma kienx bi ħsiebha twieġeb għal “allegazzjonijiet personali”. U Robert Abela jidher li kien miftiehem magħha hekk kif, dakinhar stess u wara li kellimha, lit-Times of Malta qalilha “mhux sewwa li intom u oħrajn tippruvaw tagħtu l-impressjoni li, għax xi ħadd ikun tkellem jew kellu xi relazzjoni ma’ Yorgen Fenech, dan hu ħażin minnu nnifsu”.

Fl-istess nifs tkellem dwar is-sess: “Ikun jiddependi jekk il-ħbiberija jew ir-relazzjoni intima seħħewx qabel jew wara li Yorgen Fenech ġie implikat fil-qtil. Għalija dak huwa li jgħodd”.

Tgħid kien qed jipprotesta żżejjed għal wiċċha?

Għalkemm f’demokrazija tassew ċivilizzata, ċertament ma kienitx tibqa’ timraħ fil-wiċċ politiku, hawn min isostni li ħadd ma jista’ jikkmanda qalb Rosianne Cutajar. Iżda din mhux biss erħiet lil qalbha tinħall wara persuna, iżda nqdiet bir-rwol pubbliku li għandha biex lil Yorgen Fenech tagħtih palata.

Agħtu daqqa t’għajn lejn dak li kiteb fit-Twitter il-parlamentari Olandiż Pieter Omtzigt li kien ingħata ħatra mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex jitkixxef dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan kiteb li fl-4 snin li għamlet bħala membru tal-Assemblea, Rosianne Cutajar la qatt fetħet ħalqha, la qatt ipparteċipat f’xi kumitat, la qatt ivvutat u qatt m’għamlet nitfa xogħol li għalih kienet qed titħallas mill-organizzazzjoni li minnha hi kienet tifforma parti .

Kien għal darba biss li għażlet li tiftaħ ħalqha: meta attakkatu wara li ppreżenta r-rapport tiegħu dwar dak li sar jaf dwar Malta u talli ażżarda jorbot l-assassinju ta’ Daphne mas-17 Black, il-kumpannija sigrieta ta’ Yorgen Fenech fid-Dubaj. Kumpannija li permezz tagħha kien ixaħħam lil sħabha Keith Schembri u Konrad Mizzi.

F’Diċembru li għadda tal-Lovin Malta kixfu li filwaqt li kienet qiegħda tħejji dak id-diskors, kellha sehem fin-negozju li kellu Yorgen Fenech meta dan wera’ x-xewqa li jixtri dar fl-Imdina. Il-Kunsill tal-Ewropa għadda r-riżoluzzjoni tiegħu fis-26 ta’ Ġunju 2019.

Fl-10 ta’ Ġunju 2019, flimkien ma’ dak li kien kompliċi magħha, iltaqgħet ma’ Yorgen Fenech fil-Busy Bee tal-Imsida u f’butha daħħlet €9,000 “inkiss inkiss minn taħt il-mejda”. U daħħlet ukoll kemxa akbar mingħand il-bejjiegħ.

Din is-somma baqgħet qatt ma ddikjaratha fil-lista parlamentari tagħha dwar id-dħul u tħallset fi flus kontanti. Kemxa flus li hi ħbiet. U għaliex tħallset fi flus kontanti, wieħed ma jistax ma jikkonkludix li Yorgen Fenech huwa wkoll kompliċi f’din il-biċċa. Barra minn hekk, il-ħlas ta’ €9,000 ma kienx biss ħlas għal servizz b’rabta mal-bejgħ tal- proprjetà. Il-ħlas tal-flus kien ukoll parti minn eżerċizzju ta’ evażjoni ta’ taxxa u ta’ ħasil ta’ flus u għaldaqstant ta’ kompliċità f’delitt.

Minħabba ż-żmien li fih seħħ dan kollu, m’hemmx dubju li l-ħlas tad-€9,000 kien il-motiv biex Rosianne Cutajar għamlet dak id-diskors politiku fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex taqbeż għall-benefattur tagħha.

Tfesfis fil-widnejn kien hemm kemm trid. U xi ftit minn dan it-tfesfis seħħ permezz tat-telefon. Fiż-żmien li għamlet dak il-famuż diskors fi Strasbourg biex taqbeż għal seħibha, Rosianne Cutajar ħassitha eċċitata għall-fatt li Helena Dalli x’aktarx kienet ser titlaq mill-kabinett Malti biex tieħu post Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew. Xammet li, peress li nisa fil-kabinett kien hemm biss waħdiet, kellha ċans tajjeb li tilħaq ministru flokha.

Tkixxifli naqra, qalbi,” qaltlu.

Għaliex għandkom tkunu tafu li Yorgen Fenech kien f’pożizzjoni ħafna aħjar minn tagħha li jkun jaf x’kien għaddej minn moħħ Joseph Muscat dwar x’ħatriet kien bi ħsiebu jagħmel. Dan kollu seħħ fis-17 ta’ Ġunju 2019.

L-għada, fit-18 tax-xahar, Rosianne Cutajar irringrazzjat lil Yorgen Fenech tar-rigal li xtralha: handbag tal-Bulgari.

Kollox kien qed jinħadem bizzilla. Meta kienet tkun bilqiegħda fis-sala tal-Parlament hi u tgħaddi l-liġijiet li jeffettwawlek lil ħajtek u fl-istess waqt tivvota biex iżżomm lil Joseph Muscat fis-setgħa u sservi ta’ tarka għal Yorgen Fenech, lil dan tal-aħħar kienet tibgħatlu l-messaġġi biex tħeġġu jaqleb għal fuq Parliament TV. Riedet turih kemm kienu xerqulha l-ħwejjeġ li kien xtralha.

Il-bieraħ it-Times of Malta xandret rapport dwar messaġġi li dawn bgħatu lil xulxin u dwar talba li hi għamlet lil Yorgen Fenech biex dan iħallas għal stħarriġ elettorali għal Rosianne Cutajar.  Fit-3 ta’ Ġunju 2019 Yorgen Fenech weġibha hekk: “Ser issibni dejjem biex ngħinek“. Mhux magħruf x’weġbitu iżda ma niskanta xejn li kieku wieġbet ‘same to you, sabiħ.

F’Awwissu 2019, Rosianne Cutajar tgħidx kemm ħasset in-nuqqas ta’ Yorgen Fenech. Dan kien imsiefer u kien qed jipparteċipa f’programm ta’ rijabilitazzjoni għad-drogati. “Malta qed tistenniek,” qaltlu – kienet kunfidenti li kienet ser terġa’ tarah qabel ma nqabad fil-morsa li spiċċa nqabad fiha.

Niskanta x’wiċċ għandhom dawn in-nies li jippretendu li jitkellmu f’isem “Malta” b’rabta max-xmara ta’ flus, ta’ drogi u ta’ sess li jinsabu mgħerrqin fiha. Dawn jitkellmu dwar it-“tradituri” kull darba li jirreferu għall-attivisti li jinsistu għar-riżenji tagħhom. 

Filwaqt li wlied Daphne kienu qed jiġġieldu biex issir ġustizzja ma’ ommhom, Rosianne Cutajar kienet ħaġa waħda mal-allegat qattiel ta’ Daphne. Kienet qed titħallas mingħandu u taqbeż għalih biex b’hekk tiggarantilu l-impunità.

U l-impunità tagħha issa qed jiggarantiha Robert Abela. Il-veru każ li dan ma ħa ebda tagħlima minn dak li għadda minnu fil-ħames snin li għaddew.

Aħna ħadna xi tagħlima?

Erġajna lura għal quddiem l-iscreen bi ħsiebna jidwi fuq il-ħaruf tal-Għid waqt li l-mafja tkompli tifrex is-swaba tagħha fuq pajjiżna.

Fl-istess waqt qed neżaminaw il-kuxjenza tagħna biex naraw jekk, wara kollox, naħtux aħna wkoll għall-firda li hawn f’pajjiżna.