Is-sofistrija li qed nisimgħu bħalissa fid-diskors m’għandhiex limitu. U din is-sofistrija qed tiġi mpinġija bħala kjarezza. Il-prim ministru stqarr li l-qattiel ta’ Daphne, Ċensu “l-Koħħu” Muscat ma kienx semma’ l-isem ta’ politiku fil-kuntest tal-assassinju tagħha. Ma kienx dan li semgħu tan-Newsbook u għaldaqstant il-mistoqsija saret lil Anġlu Gafà u dan kien aktar kategoriku fit-tweġiba li ta: huwa stqarr li dawk kollha li skont il-provi li nġabru kienu mdaħħlin fil-qtil ta’ Daphne ġew arrestati u qed jiġu mixlija bid-delitt.
Dalgħodu l-prim ministru ħass il-ħtieġa li jerġa’ jitkellem dwar il-każ u stqarr li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne għadha miftuħa u l-pulizija baqgħet taħdem fuq il-każ. Iżda meta Kenneth Xuereb tan-Net TV staqsieh jekk il-Koħħu kienx semma’ l-isem ta’ politiku (xi ħadd li kien fil-politika u li llum m’għadux), ħarab milli jwieġeb.
Jidher ċar li qed tinġibed linja madwar l-att ta’ min qabbad lil ħaddieħor biex seħħ id-delitt u madwar min wettaq id-delitt. Fil-kuntest ta’ dak li tipprovdi l-liġi tal-pajjiż, jista’ jkun li l-Pulizija għandha raġun li temmen li qabdet fin-nasba lil dawk kollha li kellhom x’jaqsmu mad-delitt.
Dan jista’ jkun il-każ għaliex pajjiżna m’għandux qafas ta’ liġijiet ta’ kontra l-mafja (imfasslin fuq il-mudell Taljan u Amerikan) li bis-saħħa tagħhom iċ-ċirku jkun jista’ jitwessa’. Madankollu dan ma jfissirx li l-liġijiet li għandna ma jistgħux jintużaw kontra rjus kbar li fl-Italja jkunu jistgħu jiġi mixlija bid-delitt ta’ associazione mafiosa.
Iċ-ċirku ristrett madwar delitt ta’ qtil iħalli barra dan li ġej:
L-ewwel.
Għall-bidu, l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia seta’ allegatament tfassal f’moħħ Yorgen Fenech u mitmum bis-sehem tal-aħwa Alfred u Ġorġ Degiorgio, l-aħwa Robert u Adrian Agius, Jamie Vella – li lkoll jiċħdu li kellhom x’jaqsmu mad-delitt – u Ċensu Muscat li ġie misjub ħati tad-delitt u Melvyn Theuma li ngħata l-immunità wara li ammetta r-rwol tiegħu fid-delitt.
Iżda Yorgen Fenech ċertament ma kienx jasal biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia għax biss ma kellux grazzja magħha. Il-provi li tressqu fil-każ iġiegħluna neżaminaw il-motivazzjoni wara t-twettiq tad-delitt fl-attentat biex setgħet titgħatta l-korruzzjoni madwar is-17 Black u l-kuntratt tal-Electrogas. Minn banda, dawk li kienu ser igawdu minn dan il-kuntratt korrott kienu mseħbin ma’ Yorgen Fenech: Musayev, Gasan, Apap Bologna u l-bqija. Mill-banda l-oħra, hemm ukoll il-kompliċi tiegħu fil-gvern li gawdew mit-tixħim: Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Dawn huma l-politiċi li kemm il-Pulizija kif ukoll il-prim ministru jafu bihom.
Jekk dawn in-nies ma jistgħux jiġu mixlija bil-qtil, dan ma jfissirx li m’għandhomx jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-imġieba illegali li wasslet għad-delitt u li wasslet ukoll biex gawdew minnu. Minkejja dan kollu, l-Istat qed jonqos li jieħu l-passi li hemm bżonn u sakemm nibqgħu f’din is-sitwazzjoni, l-ftaħir tal-prim ministru dwar is-saltna tad-dritt m’hu xejn ħlief ftaħir vojt. Il-kuntratt tal-Electrogas għadu fis-seħħ u s-sidien tiegħu għadhom sal-lum igawdu minnu. U Keith Schembri kif ukoll Konrad Mizzi għadhom mgħoxxijin bid-daħk.
It-tieni.
Min iwettaq delitt dejjem jaħseb biex jara dwar kif ser ikun jista’ jgħaddiha lixxa. Għalissa ser niffoka biss fuq it-twettiq tad-delitt tal-qtil u mhux fuq il-korruzzjoni li l-qtil ipprova igħatti.
M’hemmx dubju li meta ċaħdu li kellhom x’jaqsmu mad-delitt, Yorgen Fenech, l-aħwa Degiogio, l-aħwa Agius, Jamie Vella u – sakemm partu maħfra jew piena ridotta mal-ammissjoni tagħhom fit-twettiq tad-delitt – Melvyn Theuma u Ċensu Muscat, ippruvaw igħadduha lixxa.
Iżda Melvyn Theuma kien ikkonferma li lill-aħwa Degiorgio kien tarrfilhom li f’Diċembru 2017, jiġifieri madwar sitt ġimgħat mit-twettiq tad-delitt, appik kienu ser jiġu arrestati. Huwa stqarr li kien Yorgen Fenech li talbu jtarrfilhom u li Yorgen Fenech qallu li kien Keith Schembri li għaddielu l-informazzjoni.
Melvyn Theuma stqarr ukoll li Kenneth Camilleri “minn Kastilja” kien kellmu u talbu jgħaddi messaġġ lill-aħwa Degiorgio b’wiegħda li jingħataw il-libertà proviżorja u flus biex iżommu fommhom sieket. U stqarr ukoll li Yorgen Fenech baqa’ ripetutament itarraflu dwar informazzjoni li kien qed iwassal Keith Schembri.
L-informazzjoni li kienu qed igħaddulu n-nies ta’ taħtu, Lawrence Cutajar użaha u kellem lil Edwin Brincat, ħabib antik tiegħu, biex il-provi li kienu jeżistu kontra Yorgen Fenech jiġborhom qabel isiru jafu dwarhom l-investigaturi li kienu qed jaħdmu fuq il-każ.
Silvio Valletta kellu relazzjoni ta’ ħbiberija fil-qrib ma’ Yorgen Fenech waqt li dan kien qed imexxi dipartiment li kien qed jinvestigah dwar id-delitt.
Fiż-żmien li matulu kien ġie mgħarraf li Yorgen Fenech kien taħt suspett, Joseph Muscat, Keith Schembri u Yorgen Fenech kienu jibgħatu l-messaġġi lil xulxin u żammew konversazzjoni elettronika bejn tlieta. Dawn il-messaġġi kienu bdew jintbagħtu ftit wara li twettaq id-delitt.
Għalkemm Keith Schembri jiċħad, il-provi juru li dan kien inqeda’ bit-tabib Adrian Vella, li kien ukoll it-tabib ta’ Yorgen Fenech, biex iwassallu messaġġ permezz ta’ ittra lil Yorgen Fenech, meta dan kien diġà miżmum taħt arrest, b’istruzzjonijiet dwar x’għandu jgħid u biex iwaħħal ir-responsabbiltà għad-delitt fuq Chris Cardona.
Joseph Muscat kien ukoll talab lil Keith Schembri biex iżomm kuntatt ma’ Yorgen Fenech ftit ħin qabel Yorgen Fenech ipprova jaħrab mill-pajjiż fil-lejl li fih kien ġie arrestat. U Keith Schembri obda.
Joseph Muscat ta kenn lil Keith Schembri f’daru lejliet dakinhar li ċ-chief of staff ġie arrestat. U meta ġie arrestat il-mobile ta’ Keith Schembri għeb u l-provi li kien hemm fih sparixxew.
Għaldaqstant jeżisti suspett raġjonevoli li, wara li seħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Adrian Vella, Kenneth Camilleri, Lawrence Cutajar, Silvio Valletta, Keith Schembri u Joseph Muscat setgħu ħadmu biex ifixklu l-kors tal-ġustizzja. Fost dawn m’hemmx dubju hemm l-ismijiet ta’ eks-politiċi.
It-tielet.
Barra l-informazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Ċensu Muscat qed jitkellem ukoll dwar delitti oħrajn. Huwa ngħata l-maħfra dwar is-sehem li kellu fil-qtil tal-avukat Carmel Chircop. Għaliex wieħed jeħtieġ jiftakar li Ċensu Muscat huwa kriminal professjonali u kien imdaħħal f’sensiela ta’ delitti vjolenti.
Minn April 2018 ‘hawn, Ċensu Muscat tkellem kemm il-darba mal-Pulizija mhux biss dwar il-konġuristi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li seħħ f’Ottubru 2017. Tgħid mal-Pulizija tkellem dwar delitti oħrajn barra l-qtil ta’ Daphne u ta’ Carmel Chircop?
Tgħid tkellem dwar is-sehem tiegħu fl-attentat tas-serqa fl-HSBC Bank li fih kien inqabad f’nofs sparatura u għal-liema delitt ma weħel ħadd wara li l-eks spettur u ħabib ta’ Chris Cardona, David Gatt kien ġie liberat? Tgħid Vince Muscat semma’ xi eks politiċi u politiċi tal-preżent b’rabta mal-każ?
Nistaqsi wkoll jekk kienx hemm ukoll konġura oħra biex tinqatel Daphne Caruana Galizia barra dik allegatament immexxija minn Yorgen Fenech. Għandna ħjiel dwar dan minn dak li xehed dwaru fil-qorti Melvyn Theuma fis-sens li ieħor mill-aħwa Degiorgio – Mario li m’huwiex il-ħabs, kien qallu li ħutu kienu rċievew ordnijiet separati biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia mingħand sensar ieħor li kien qed jaħdem għal Chris Cardona.
Din l-informazzjoni Ċensu Muscat ikkonfermaha?
Jeħtieġ li nifhmu li kemm il-darba huwa minnu li kien jeżisti pjan ieħor separat biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, dawk li kellhom sehem f’dan il-pjan ma jistgħux jiġu mixlija flmikien ma’ dawk li spiċċaw qatluha fuq ordnijiet ta’ ħaddieħor. Iżda sehem f’konġura biex jinqatel ħaddieħor hi delitt mill-aktar serju anki jekk il-pjan tal-qtil ma jseħħx, tkun xi tkun ir-raġuni.
Tant huwa serju dewlitt bħal dan li min jiġi misjub ħati jintbagħat il-ħabs għal 30 sena.
Ejjew inkunu ċari. Il-każ ta’ Daphne għandu ma nstabx tarfu. Il-Pulizija għamlet sew li bdiet b’dawk li għafsu l-buttuna biex setgħet tisplodi l-bomba. Iżda l-qattiela kollha ta’ Daphne – u dawk li gawdew mill-eliminazzjoni tagħha, dawk li ppruvaw igħinu lill-qattiela tagħha biex igħadduha lixxa u dawk li ppjanaw il-qtil tagħha qabel laħqet ġiet maqtula skont pjan ieħor li kien tfassal – jeħtieġ li ssir ġustizzja magħhom.