Repubblika, #occupyjustice u din il-website qed isejjħu lill-poplu biex nhar it-Tnejn 1 ta’ Marzu fil-5pm jipprotesta quddiem il-bini tal-Parlament. Jeħtieġ li nġeddu l-insistenza tagħna li ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, ma’ niesha u mal-pajjiż kollu.

Inħossu rabja kbira aħna u ninnotaw lill-Prim Ministru Robert Abela jgħaġġel b’kemm għandu saħħa biex jagħlaq każ li għadu miftuħ beraħ. Qed jipprova jinqeda’ bl-ammissjoni li għamel wieħed mill-assassini li qatlu lil Daphne u jużaha bħallikieku kienet xi prova li ssaħħaħ l-argument tiegħu li l-Istat kien wettaq dmiru.

Il-Prim Ministru m’għandux għalfejn joqgħod itaptap fuq dahru. Qed jipprova jaljena lill-pajjiż mill-fatt li l-politiċi f’pajjiżna baqgħu jgawdu l-impunità għall-korruzzjoni li wettqu u li nqabdu fiha u li baqgħu jgawdu mill-assassinju tal-ġurnalista li kienet kixfithom.

Il-gvern għadu jserraħ fuq l-iskuża li kien ħareġ biha dakinhar tal-assassinju: li kollox ser jieqaf malli jinqabdu l-qattiela. Iżda l-konġura li kienet saret biex tinqatel Daphne kellha twassal biex tkompli ssaħħaħ il-qarnita tal-mafja li tinsab iggranfata mal-pajjiż.

Dwar il-kuntratt tal-Electrogas baqa’ ma sar xejn. Is-sidien tagħha għadhom sal-lum igawdu minnu minkejja l-fatt li jinsab mgħarraq fil-ħmieġ tal-korruzzjoni u mċappas bid-demm. Id-deputati parlamentari tan-naħa tal-gvern ma jridux li ssir inkjesta dwar dan il-kuntratt skandaluż.

Issa ilna 5 snin li sirna nafu bil-kumpanniji sigrieti tal-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi li nħolqu biex idaħħlu 5,000 ewro kuljum mingħand Yorgen Fenech ġejjin mit-tixħim. Dwar dan baqa’ ma sar xejn.

Baqa’ ma sar xejn dwar it-tifixkil lill-kors tal-ġustizzja fil-każijiet li fihom jinsabu mdaħħlin il-qattiela.

Baqa’ ma sar xejn dwar il-fatti li ser insemmi:

  • Joseph Muscat baqa’ jżomm kuntatt ma’ Yorgen Fenech anki meta sar jaf li dan kien suspettat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia;
  • Ftit wara l-qtil ta’ Daphne, Joseph Muscat ħoloq chat line ma’ Yorgen Fenech u Keith Schembri;
  • Joseph Muscat ried ikellimhom privatament anki wara li Yorgen Fenech kien inkixef bħala s-sid ta’ 17 Black;
  • Keith Schembri dam siegħat sħaħ fid-dar ta’ Joseph Muscat lejliet l-arrest tiegħu u kien wara din il-laqgħa li l-mobile tiegħu spiċċa biex għeb;
  • Siegħat qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech, Keith Schembri għamel żmien twil jitkellem miegħu fuq il-telefon.

Baqa’ ma ttieħdet ebda azzjoni dwar dak li stqarr xhud tal-Istat:

  • li l-aħwa Degiorgio kienu ġew imwissija dwar l-arrest tagħhom 50 jum wara li kienu qatlu lil Daphne bis-saħħa ta’ informazzjoni li waslitilhom mingħand Keith Schembri;
  • li Kenneth Camilleri “minn Kastilja” kien innegozja miegħu biex hu jżomm fommu sieket u biex lill-aħwa Degiorgio tingħatalhom il-libertà proviżorja;
  • li Lawrence Cutajar kien indaħal biex jipprova jaħtaf il-provi li kien hemm kontra l-akkużat minn wara dahar l-investigaturi tiegħu stess.

Ma ttieħdu ebda passi wara li Keith Schembri, bil-għajnuna tat-tabib Adrian Vella, ipprova jipperswadi lil Yorgen Fenech biex iwaħħal f’Chris Cardona għat-twettiq tad-delitt.

Din il-ġimgħa stess, il-Prim Ministru ipprova jiċħad li żewġ xhieda tal-prosekuzzjoni – tnejn mhux wieħed – lill-Pulizija qalulhom li Chris Cardona kellu wkoll sehem fil-qtil ta’ Daphne.

Ma ssirx ġustizzja ma’ ġurnalista li tat servizz lil pajjiżha billi wieħed mill-qattiela jqatta’ żmien qasir fil-ħabs. Dan il-fatt lanqas biss jibda’ biex ifejjaq il-ġrieħi li għandu l-pajjiż. Dan kollu b’ebda mod ma  jfisser li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu.

Ma nistgħu qatt ninjoraw il-fatt li Robert Abela għamel ħiltu biex jagħlaq qabel żmienha l-inkjesta pubblika dwar in-nuqqasijiet tal-Istat. B’xorti tajba ma rnexxilux jagħmel dak li kellu f’moħħu.

Wasalna s’hawn bis-saħħa tal-insistenza tas-soċjetà ċivili u tal-ġurnalisti indipendenti li flimkien kienu u għadhom determinati li jaraw li toħroġ il-verità kollha u li sseħħ il-ġustizzja. S’issa l-imxijja ma ħallietniex noħorġu minn darna iżda issa sirna nafu li l-Pulizija ddeċidiet li tippermetti l-protesti pubbliċi.

Din hi r-raġuni għala ser nerġgħu niltaqgħu nhar it-Tnejn quddiem il-bini tal-Parlament u dan sabiex infakkru lir-rappreżentanti tagħna li aħna ninsabu determinati li neqirdu lill-qarnita li tinsab iggranfata ma’ pajjiżna.

Nappellaw lil dawk kollha li ser jattendu għal din il-protesta biex jieħdu l-prekawzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex l-imxijja ma tinxteridx u li jżommu bogħod xieraq minn xulxin.