Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com ifakkru li l-protesta t’għada t-Tnejn, l-1 ta’ Marzu 2021 fil-17:00 quddiem il-Parlament qed issir wara notifika lill-Pulizija skont il-liġi u b’konformità mar-rekwiżiti u l-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Persuni li jħossuhom ma jifilħux huma miltuba jibqgħu id-dar.

Dawk li se jieħdu sehem fil-protesta huma mfakkra li:

  1. Min jieħu sehem fil-protesta irid ikun bil-qiegħda f’kull ħin. L-organizzaturi se jipprovdu numru ta’ siġġijiet u se tingħata priorità lill-anzjani u persuni bi problemi ta’ mobilità. Persuni oħra huma mistiedna jġibu magħhom siġġijiet li jintwew, imħaded jew gvieret fuq x’hiex ipoġġu mal-art.
  2. Persuni li jgħixu flimkien jistgħu joqgħodu qrib xulxin sakemm ebda grupp ma jkun fih aktar minn sitt persuni.
  3. Kull individwu jew grupp ta’ persuni li jgħixu flimkien għandhom iżommu mill-anqas żewġ metri l-bogħod minn individwi jew gruppi oħrajn.
  4. Kulħadd għandu jkun liebes maskra f’kull ħin.
  5. Individwi jew gruppi għandu jkollhom deterġent tal-idejn u kulħadd għandu jevita li jmiss wiċċu.
  6. M’għandhomx jiġu ikkunsmati ikel u xorb waqt il-protesta u għandu jkun evitat it-tipjip.
  7. M’għandhomx jintużaw sfafar.
  8. Kulħadd għandu jsegwi l-istruzzjonijiet tal-organizzaturi.

L-organizzaturi japprezzaw il-kooperazzjoni tal-parteċipanti kollha u tal-Pulizija.