Skont il-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tal-lum Ian Abdilla, l-uffiċjal għoli tal-Pulizija li qagħad jieħu belgħa kafè waqt li, fis-satra tal-lejl, Ali Sadr Hashemi Nejad inkiss inkiss ħareġ provi dokumentati mill-Pilatus Bank, ser jingħata midalja bħala rikonoxximent għas-servizz li ta lin-nazzjon.

Daphne Caruana Galizia, li nqatlet waqt li kienet fuq dmirijietha, għadha sal-lum ma ġietx rikonoxxuta mill-Istat. Għalkemm m’għandix dubju li, kieku dan il-gvern offrielha xi onorifiċenza, kienet tibgħatu jdaħħalha fit-toqba t’għajnu.

Iżda Ian Abdilla ser ilesti sidru biex jilqa’ l-midalja ta’ sieħeb il-ġieħ.

F’Lulju li għadda Ian Abdilla tgħidx kemm laqlaq u temtem quddiem il-bord tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-ħasla li qala’ mingħand l-Imħallfin tal-bord, l-ebda xhud ieħor ma qalagħha.

“Kif bqajt m’għamilt xejn dwar il-Panama Papers! Kif stajt ma bgħatx għal Keith Schembri u l-bqija? Jidher li qed ngħixu f’żewġ dinjiet differenti” qaltlu l-Imħallef Abigail Lofaro fil-qorti.

Hekk hu. Qed igħix f’dinja għalih li fiha jisħoqq li jdendlulu midalja ma’ sidru filwaqt li aħna qed ngħixu f’dinja oħra nsegwu din il-kummiedja.

Lill-kriminali Ian Abdilla erħielhom igħadduha lixxa, għatta x-xtur ta’ politiċi korrotti, kien il-wiċċ inkarnat tal-qerda tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż u tad-dgħjufija tal-Pulizija u ta palata biex l-impunità li qatlet lil  Daphne Caruana Galizia tibqa’ tirrenja f’pajjiż li ngħata b’rigal lill-mafja fuq platt tal-fidda.

Waqt il-konferenza ta’ għada dwar l-għaqda nazzjonali lill-President bi ħsiebni ngħidlu li jekk l-Istat jidhirlu li għandu jirrikonoxxi u jippremja lil Ian Abdilla, filwaqt li l-istess Stat għadu jtella’ u jniżżel għandux jagħti rikonoxximent lil Daphne Caruana Galizia, l-għaqda nazzjonali jista’ jaqbad u jarmiha l-baħar.