Ftit kienu dawk li skantaw. U jekk irid ikun onest miegħu nnifsu, lanqas Adrian Delia m’għandu jiskanta li ċ-ċekk oħxon tiegħu ta’ 500,000 ewro għad-Dar tal-Provvidenza ma setax jissarraf. Il-kelma teknika hi “ċekk mhux onorat” u dan l-aġġettiv huwa wieħed li jixraq tassew.
Nażżarda ngħid li l-mexxejja, l-voluntiera u dawk li qed jibbenefikaw mix-xogħol tad-Dar tal-Provvidenza kienu jħossu ċertu diżappunt li kieku jien ħsibt li kellhom xi tama li xi darba jaraw dawn il-flus.
Ir-realtà hi li kieku Adrian Delia deher għall-maratona b’ċekk ta’ 500 ewro f’idejh, ċertament kienu jidħlu d-dubji fl-imħuħ. Li kieku f’idejh kellu ċekk ta’ 5,000 ewro, in-nies kienu jkunu xettiċi. U li kieku tfaċċa b’ċekk f’idejh ta’ 50,000 ewro, in-nies kienu jkunu arċi-xettiċi. Iżda l-bniedem li jixtieqna nesprimu d-diżappunt tagħna għall-fatt li mhux ser itellaq biex isir prim ministru ta’ pajjiżna fi ftit xhur oħra, kiser rekord nazzjonali u l-akbar ammont imwiegħed bħala donazzjoni fl-istorja Maltija rriżulta li kien finta mill-kbar.
Nittama li dawk li għadhom jappoġġjawh f’dak li kien il-PN issa jinsabu kuntenti b’din il-ħsara li dan l-hekk imsejjaħ politiku reġa’ għamel lill-partit tiegħu. Kont nippretendi li l-PN reġa’ beda’ t-triq twila li twasslu biex jerġa’ jkun partit kredibbli.
Bernard Grech qed igħid li l-partit tiegħu huwa lest biex jieħu l-gvern f’idejh. X’inhu? B’Adrian Delia fi ħdanu? Jien l-ewwel wieħed ma nista’ qatt nafda partit li jkollu lil Adrian Delia fi ħdanu.
Staqsu ftit lil Adrian Delia fejn marru l-flus tal-PN. L-istorja kollha hi din li ġejja. Wara l-kampanja elettorali tal-2013 li ħalliet lill-PN finanzjarjament minn taħt, il-Partit iddeċieda li jirristruttura l-finanzi tiegħu u kellu jittermina l-impjieg ta’ wħud mill-aħjar nies li kellu biex seta’ jkampa. Iżda kemm qabel, matul u wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017, l-Partit kien qed iħallas lill-impjegati tiegħu mill-flus li kien qed jirnexxielu jiġbor mingħand in-nies.
Iżda meta tfaċċa fix-xena Adrian Delia, l-biċċa l-kbira tad-donazzjonijiet nixfu. Tiftakruh iwerżaq kontra dawk li sejjaħ bħala l-“kbarat” li, skont hu, kienu ħatfu lill-partit u li ried jerġa’ jagħti l-partit lin-Nazzjonalisti? Hekk kif Adrian Delia ħa r-riedni tal-PN f’idejh, kienu eluf il-partitarji, li kienu jagħmlu donazzjoni kull xahar, li baqgħux jagħrfu lill-partit bħala wieħed li seta’ jkompli jirrappreżentahom. U d-donazzjonijiet nixfu u l-udjenzi li kellu n-Net TV qabdu t-triq tan-niżla hekk kif il-linja editorjali saret waħda medjokri li tixbaħ ferm dik tal-One TV. Bir-riżultat li d-dħul mir-riklami nixef ukoll.
Għand min taħsbu li mar jittallab il-flus Adrian Delia? Lovin Malta qed tikkwota għejjun li qed isostnu li Pierre Portelli kien jitlob il-flus mingħand Yorgen Fenech. Dawn l-għejjun qed jikkonfermaw dak li diġà xehed dwaru Keith Schembri. Yorgen Fenech: il-bniedem li nkixef bħala s-sid tas-17 Black. Filwaqt li Jason Azzopardi, Karol Aquilina, David Casa u oħrajn kienu qed joħorġu għonqhom u jikkundannaw ir-rabtiet li kien hemm bejn Yorgen Fenech u l-politiċi Laburisti li kien qed ixaħħam, Adrian Delia ħareġ b’din l-idea brillanti.
Min seta’ kien aqwa minn Yorgen Fenech biex mingħandu jinġabru l-flus?
U jeħtieġ li ma noqgħodux induru mal-lewża. Pierre Portelli u Adrian Delia kienu ħaġa waħda. Qaqoċċa.
Iżda l-bużillis tafu x’inhu? Il-PN qatt ma ra sitt ħabbiet mill-flus li kien għadda Yorgen Fenech. Il-flus li ntalbu mingħand Yorgen Fenech u kull ma seta’ ħallas Yorgen Fenech qatt ma kienu waslu għand il-PN.
Dan m’huwiex biss korruzzjoni, ħmieġ u tradiment ta’ dak kollu li jemmen fih il-PN. Huwa wkoll frodi u serq; il-flus sparixxew qabel waslu fid-destinazzjoni tagħhom.
Meta Adrian Delia deher fuq it-televiżjoni jperreċ ċekk ta’ 500,000 ewro, ma ġiet f’moħħ ħadd l-idea li jibdew jinxtagħlu x-xemgħat quddiem ix-xbieha tiegħu. Ħadd ma tbikkem għall-fatt li l-pajjiż kien tilef iċ-ċans li jitmexxa’ minn dan il-buffu. Fil-fatt bosta kienu dawk li xammew li l-wiegħda ta’ 500,000 ewro ma kienet xejn ħlief ħadma li nibtet minn taħlita tossika tal-kilba vvizzjata tiegħu biex ikun fiċ-ċentru tal-attenzjoni, tad-disperazzjoni u taċ-ċaħda totali tar-realtà.
Tmorrux tiġru bl-idea li, sforz il-mistħija, Adrian Delia ser imur jinħeba x’imkien. Fl-imgħoddi kellu okkażjonijiet bir-rimi għalxiex imur jinħeba. Issa stennew li ser jiftaħ attakk fuq il-mexxejja tad-Dar tal-Provvidenza nnifisha u ser iwaħħal fihom talli l-wiegħda li kien għamel saret suf.
Hu qatt m’għandu tort. Meta kien Kap tal-Partit u s-sondaġġi kemm dwar il-popolarità personali tiegħu u dak tal-partit bdew jilħqu l-qiegħ, kien waħħal f’kulħadd ħlief fih innifsu.
Dak iż-żmien, it-tort kien ta’ Jason Azzopardi; kien tort ta’ Karol Aquilina u ta’ David Casa; u tort tad-“tradituri” l-oħrajn. U, m’għandniex xi ngħidu, kien ukoll tort ta’ Simon Busuttil. Simon Busuttil? Tafuh. L-istess bniedem li jmexxi l-konġuri f’isem l-establishment, li Adrian Delia kien wiegħed li jsalvana lkoll minnu. Kien tort anki tiegħi għaliex, skont it-trolls tiegħu li jħarbxu fil-Facebook, il-PN wasal fl-istat li jinsab fih għaliex kont għamilt żmien naħdem fi ħdan il-gvern ta’ Lawrence Gonzi.
Lil Adrian Delia nagħtih parir biex jisparixxi mix-xena pubblika. U lil tal-PN nagħtihom parir biex iqabbżuh ‘il barra mill-partit u biex irabbu l-kuraġġ u jammettu fil-beraħ li għal tliet snin sħaħ tmexxa’ minn bniedem li kellu l-ispag tiegħu jinġibdu minn Joseph Muscat.
Jiddispjaċini ferm għal dawk il-persuni ġenwini u bieżlin kollha li jaħdmu b’riżq id-Dar tal-Provvidenza. Dawn ma kienx jistħoqqilhom li jgħaddu minn dan l-inkwiet u minn din il-mistħija kollha. B’xorti ħażina, s’hawn kellna naslu f’dan pajjiżna. Dawn huma l-mexxejja tagħna li, għal uħud, huma l-eroj ta’ żmienna. Oħrajn għadhom mingħalihom li Adrian Delia hu xi Messija li n-nies fehmuh ħażin.
Dawn huma l-politiċi ta’ żmienna: persuni li m’għandhom ebda sens ta’ rażan u ta’ proporzjon li m’għandhomx biżżejjed sens komun biex jintebħu li, jekk jaqa’ mis-sema xi ħadd b’ċekk f’idejh ta’ 500,000 ewro, għandhom minnufih jibgħatuh imur jiddobba qara’ mingħajr ebda tlaqliq.