Pierre Portelli u jien konna kollegi fl-Università. Huwa xi ftit akbar minni fl-età. Kien issieħeb fil-programm dwar il-komunikazzjoni meta kien diġà student matur. It-tnejn li aħna konna niddilettaw bil-films tal-biża’ u konna wkoll insegwu l-politika.

Dan kien fl-1994, perijodu li uliedi jimmaġinaw li kien żmien li ilu li għadda ġmielu.

Kien hu li ntroduċieni fil-Partit Nazzjonalista u kien bis-saħħa tiegħu li ktibt l-ewwel sensiela ta’ kitbiet f’In-Nazzjon, gazzetta li kienet ftit aktar irrilevanti milli hi llum.

Jiena kont ħajjartu biex nieħdu sehem f’kompetizzjoni finta tal-Parlament Ewropew u niftakar li konna rbaħna premju li kkonsista fi vjaġġ għall-Belġju u għal Franza.

Wara s-sentejn li għamilna flimkien fl-istess kors, qbadna triq għal rasna iżda ż-żmien li għamilna flimkien ma nista’ ninsieħ qatt.

Din hi r-raġuni l-għala nħossni rrabjat għalih aktar milli kont inkun irrabjat li kieku dak li qed jinkixef dwar ir-rabtiet li kellu ma’ Yorgen Fenech kienu jinvolvu lil ħaddieħor.

Mhux qed nikkritika l-ħbiberija li Pierre kellu ma’ Yorgen Fenech. Qed nikkritika l-fatt li huwa kien ingħata s-setgħa li jieħu d-deċiżjonijiet u li jfassal il-politika tal-PN, li jmexxi l-mezzi tax-xandir tal-partit u  jfassal il-linja editorjali, li jiddeċiedi dwar dak li kellu jidħol għat-tmexxija tal-partit u jattwa d-deċiżjonijiet tiegħu u jeżerċita s-setgħa f’wieħed miż-żewġ partiti l-kbar li hawn fil-pajjiż. U, hu u jagħmel dan kollu, jissokta bir-rabtiet ma’ Yorgen Fenech.

Seta’ kien min kien. Iżda Pierre Portelli żamm ir-rabtiet tiegħu ma’ Yorgen Fenech fi żmien meta dan il-bniedem sinjurun kien inkixef bħala s-sid tal-kumpannija 17 Black. Jiġifieri kien inkixef bħala l-bniedem li kien ixaħħam. Żmien li matulu Daphne Caruana Galizia kienet skopriet il-kumpanniji sigrieti ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi fil-Panama.

U Daphne, li kixfet it-tixħim u l-ħmieġ kollu, spiċċat biex ġiet assassinata permezz ta’ karrozza-bomba.

Niftakar li kont irrabjajt bil-kbir dakinhar li Pierre Portelli – dak iż-żmien fost dawk tal-quċċata tat-tmexxija tal-PN – kien xehed f’kawża li jien kont għamilt kontra l-PN wara li tan-Net TV gidbu dwar il-mod li jien kont irrappurtajt ir-rabtiet ta’ Adrian Delia mal-ewwel kumpannija li ġiet liċenzjata biex tinnegozja l-ħaxixa mediċinali.  Dik il-kawża kont irbaħtha u l-PN kellu jħallas id-danni ordnati mill-qorti.

Iżda l-imġieba ta’ Pierre Portelli hu u jixhed fil-qorti kienet agħar mill-gideb tan-Net TV u mill-fatt li hu kien irrifjuta li jagħtini l-opportunità li nwieġeb għal dak li kien ġie allegat dwari. Ix-xhieda tiegħu kienet mimlija rrilevanzi, nofs veritajiet u gideb: ried bħallikieku jagħmel vendikazzjoni. Kien jaf li din ix-xhieda kienet ser toħloq ferment fost il-partitarji ta’ Adrian Delia.

Fil-Facebook għadni sal-lum niġi mgħajjar bl-“Arriva”, biż- “Zimbabwe” u li jien merċenarju b’regħba għall-flus. Dan it-tgħajjir kien beda’ wara li fil-qorti Pierre Portelli xehed li ma setgħax “jemminni”. Huwa kien xehed li jien kont tlift kull kredibilità meta, fi stadju bikri tal-kampanja ta’ Adrian Delia biex isir Kap, kont aċċettajt li nikteb xi artiklu li kellhom jidhru f’ismu bħala parti mill-kampanja.  Għalhekk qal li jien kont merċenarju. Iżda Pierre Portelli għajjarni li jien bniedem rgħib għaliex, hekk kif intemmet il-kampanja, ma ridtx nibqa’ niktiblu l-artikli b’xejn.

Il-ħelwa hi li, waqt li kien qed igħajjarni li jien bniedem rgħib, skont kif xehed Keith Scembri huwa kien qed jirċievi flejjes mingħand  Yorgen Fenech. X’wiċċ kellu li jgħajjarni merċenarju?

M’għandniex xi ngħidu, nħossni kemmxejn patetiku ngerger dwar l-ipokresija ta’ Pierre Portelli. Naf li m’jinix waħdi. Min jaf kemm il-darba lill-kritiċi ta’ Adrian Delia xliehom b’konġuri kontra l-mexxej tagħhom meta fil-fatt il-konġuri kien qed jagħmilhom hu kontra l-Grupp Parlamentari tal-partit tiegħu kif jidher ċar mill-messaġġi fil-mobile ta’ Yorgen Fenech. Min jaf kemm il-darba xela’ lill-membri tal-Grupp Parlamantari u tal-Eżekuttiv tal-PN li kienu qed igħaddu informazzjoni lill-istampa meta issa jidher li kien inqeda’ b’Yorgen Fenech biex setgħu xxandru stejjer ta’ kritika kontra membri parlamentari tal-PN fl-istampa li tappoġġja lill-gvern.

Konna ilna li sirna nafu li Pierre Portelli kien qed jinqeda’ bil-mezzi tax-xandir tal-PN biex jiskredita lill-għedewwa ta’ Adrian Delia. Fil-fatt, darba minnhom il-gazzetta tal-PN xliet lil attivisti tal-Occupy Justice li kienu qed jikkoperaw ma’ Joseph Muscat biex jiġi ntrodott l-abort.

Naf li dan m’hu xejn ħlief ġenn. Iżda dawn il-gideb u suspetti dwar konġuri għadhom sal-lum jagħmlu l-ħsara. Lil Pierre Portelli llum m’għandniex narawh b’nemes iżda jidher li s-suċċessuri tiegħu adottaw il-metodi distruttivi tiegħu.

Din il-ħsara diffiċli li tissewwa’. Pierre Portelli jgħid li issa qed igħix bi kwietu u li mhux ser jerġa’ jintefa’ għall-ħajja politika jekk mhux biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu fil-qorti.

Darba waħda, għall-ħabta tal-2014, kelli konversazzjoni simili miegħu. Dak iż-żmien kien qed imexxi l-Malta Independent u għal sena sħiħa jien kont dħalt f’qoxorti wara li l-gvern li kont parti minnu kien tilef l-elezzjoni. Il-gvern il-ġdid kien qed jagħmel il-qassatat bil-ftehim li sar mal-kuntrattur il-ġdid tat-tmexxija tal-karrozzi tal-linja u Pierre Portelli kien talab il-kummenti tiegħi. Jiena weġibtu billi għidtlu li ma kienx bi ħsiebni nikkummenta għaliex żmieni mal-gvern kien għadda u li issa għandna nħallu f’idejn min kien qed imexxi. Bil-għan li jipprova jipperswadini, Pierre Portelli  qalli li kien “wasal iż-żmien tat-tpattija”. Iżda jien kont żammejt iebes: kont qed ngħix fil-kwiet u kien l-elettorat li għażilli din il-ħajja ta’ serenità.

Iżda issa s-sitwazzjoni inbidlet. Pierre Portelli m’huwiex iżomm fommu sieket għaliex irid iżomm ruħu l-bogħod mis-setgħa li kellu fl-imgħoddi. Sadd ħalqu għaliex qed jinkixef ta’ dak li fil-fatt hu. Lil Karol Aquilina, lil David Thake, lil Jason Azzopardi u lil oħrajn kien xliehom bi żlealta meta l-fatti juru li kien proprju hu l-ħati ta’ żlealtà.

Il-lealtà kienet lejn dawk li kienu qed jimlewlu bwietu. Lejn dawk li hu għamilha tal-qaddej tagħhom. Bejn id-Dar Ċentrali u Portomaso kien allegatament ġej u sejjer mgħobbi bi flus kontanti lejn direzzjoni waħda u bi pjaċiri politiċi lejn direzzjoni oħra.

Portomaso? Dan kien il-post li fih kien ġie miftiehem il-kuntratt tal-Electrogas. U fejn kienu nħmew 17 Black-Hearnville/Tillgate.

Kos! Il-ħajja saret qisha film tal-biża’.