L-istorja li xandret il-bieraħ is-Sunday Times of Malta fis-sens li f’Marzu 2019 Joseph Muscat kien qed jagħmilha ta’ sensar fin-negozju internazzjonali ta’ Yorgen Fenech uriet li dan il-fatt mhux biss huwa wieħed li jdardar l-istonku. Dan il-fatt huwa wkoll wieħed li għandu jxejjen kull dubju li għadu jidwi fl-imħuħ tal-partitarji tiegħu li jippreferu jibqgħu jemmnu li Joseph Muscat kien aċċetta l-fliexken tal-inbid fin Petrus mingħand Yorgen Fenech meta kien diġà jaf li kien suspettat bi qtil, għaliex tas-servizzi tas-sigurtà kienu tawħ parir biex iġib ruħu b'”mod normali”.

F’Novembru 2019, lill-ġurnalisti dan il-giddieb prim kien qalilhom li kien ilu ma jiltaqa’ ma’ Yorgen Fenech għal sena sħiħa. Iżda l-bieraħ is-Sunday Times of Malta rrappurtat li Joseph Muscat qalilha li meta, f’Marzu 2019, kien għamilha ta’ sensar għal Yorgen Fenech ma’ negozjant barrani kbir, kien ġab ruħu b’mod “normali”.

Yorgen Fenech kien irregala l-inbid Petrus lil Joseph Muscat waqt li madwar sentejn ilu fi Frar 2019 kien qed jattendi bħala misteden esklussiv għal dak il-famuż festin. Meta nkixef il-fatt li Yorgen Fenech kien fost il-mistednin esklussivi għall-festin fil-Girgenti, Joseph Muscat ipprova jiġġustifika l-imġieba tiegħu u stqarr li tas-servizzi tas-sigurtà kienu qalulu biex iġib ruħu b’mod li ma jinħolqux suspetti f’moħħ Yorgen Fenech. Dan għaliex tas-servizzi sigrieti kienu ilhom jafu għal sena sħiħa dwar l-involviment ta’ Melvyn Theuma u dwar ir-rabtiet li dan kellu mal-aħwa Degiorgio, ma’ Vince Muscat u ma’ Yorgen Fenech.

Festin organizzat fir-residenza uffiċjali tas-sajf tal-prim ministru għal numru esklussiv ta’ mistednin ma jammontax għal xi privileġġ awtomatiku, iżda lil Joseph Muscat ipperswadewh biex ma jħassarx l-istedina biex b’hekk Yorgen Fenech ma jaħsibx ħażin.

Kollox sew.

Li kieku Joseph Muscat għażel li ma jaċċettax il-fliexken ta’ nbid fin, Yorgen Fenech kien jaħseb ħażin u allura, kontra qalbu, kellu jaċċettahom.

Kollox sew.

Iżda meta, matul l-istess perijodu, lil Joseph Muscat investitur internazzjonali staqsieh dwar il-proġett tal-Electrogas, Yorgen Fenech b’ebda mod ma seta’ jsir jaf dwar it-talba li kienet saret li kieku l-prim ministru baqa’ m’għamel xejn dwar dak li l-investitur xtaq jitkixxef  dwaru. U ċertament Yorgen Fenech ma kien ixomm xejn għax ma seta’ qatt jissuspetta dwar imġieba li ma jkunx għadu sema’ biha. Madankollu Joseph Muscat iddeċieda li jagħmilha ta’ sensar għal bniedem li hu kien jaf li l-Pulizija kienet qed tissuspetta fih dwar qtil u dwar dak li Joseph Muscat stess kien fisser bħala “oltraġġ lid-demokrazija”.

Għala?

Għaliex Joseph Muscat kien konvintissimu li Yorgen Fenech kien ser igħaddiha lixxa.

Kif forsi sal-lum għadu konvint ukoll.