Dan ma jistax ħlief ifisser li żewġ maġistrati diġà rrikużaw ruħħom mid-dmir li jisimgħu il-kawża.
Nikkonċedi li maġistrat jista’ jħoss ċerta skumdità meta jkun ser jisma’ l-kawża li fiha jkun involut bħala akkużat avukat li jaħdem fil-qorti.
Il-kwistjoni hi waħda kumplessa għaliex inzerta li dawn iż-żewġ avukati għandhom ħbieb li għandhom ċerta setgħa.
U t-tnejn huma avukati difensuri ta’ Yorgen Fenech. Bniedem li hu meqjus innoċenti sakemm ma jiġix pruvat il-kuntrarju, li qed jiċħad li huwa ħati tal-akkużi li għandu ma’ wiċċu u li għadu ma nstabx ħati li wettaq xi delitt. Madankollu, sforz il-kredenzjali li għandu, ma tistax tlum lil min jittimbrah bħala kap tal-mafja.
U d-delitt li dawn l-avukati jinsabu mixlija bih huwa delitt li allegatament wettqu fil-kapaċità tagħhom ta’ aġenti tal-istess kap tal-mafja. U mhux bħala l-avukati tiegħu. Yorgen Fenech għandu kull dritt li jkollu avukati li jidhru għalih fil-qorti. Il-każ kontra l-avukati m’għandu xejn x’jaqsam max-xogħol legali tagħhom.
Iżda maġistrat m’huwiex ġustifikat li jirrikuża ruħu għax iħoss skumdità professjonali jew minħabba l-konnessjonijiet politiċi tal-avukati jew minħabba biża’ mill-mafja. Il-maġistrati huma mħallsin biex jisimgħu l-kawżi li jinġiebu quddiemhom mingħajr biża’ jew favur.
Ir-raġunijiet għar-rikuża huma elenkati b’mod ċar fil-liġi. Maġistrat ikollu d-dritt li jirrikuża ruħu milli jisma’ kawża jekk l-akkużat ikun jiġi minnu mill-qrib, jekk kien sħab f’xi negozju mal-akkużat, jekk l-akkużat xi darba kien klijent tiegħu, jekk kien diġà sema’ l-kawża, jekk kien xhud fil-kawża, jekk martu jew żewġha kellhom xi interess fil-kawża, jekk l-avukat ikun jiġi minnu u jekk kien qed jisma’ kawża oħra li fiha jinsab imdaħħal l-akkużat.
Għal liema minn dawn ir-raġunijiet żewġ maġistrati rrinunjaw milli jisimgħu l-kawża li l-Pulizija fetħet kontra Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca?
Ninsab kważi ċert li teżisti xi proċedura miktuba f’xi liġi li tagħti d-dritt lill-ġudikatura li ma tweġibx għal din il-mistoqsija u li żżomm fommha sieket.
Għaliex, tafu intom, il-ġustizzja għandha tkun trasparenti.
Anki fil-konfront ta’ Mafjużi li jiċħdu kull akkuża.
U saħansitra fil-konfront tal-avukatini qaddejja tagħhom.