X’aktarx li dak li kien id-deputat mexxej tal-Partit Laburista kien ħa xi ftit tar-ruħ dakinhar li ġie deċiż li lil Ċensu Muscat il-Koħħu u lill-aħwa Degiorgio ma tingħatalhomx proklama biex ikunu jistgħu jitħarrku bħala xhieda tal-prosekuzzjoni. Madankollu l-Koħħu, li ammetta sehemu fid-delitt u weħel il-ħabs dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, għadu sal-lum jitkellem dwar l-allegati rabtiet li kellu Chris Cardona mal-assassinju ta’ Daphne.
Illum fil-qorti, hu u jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-avukat William Cuschieri li qed jidher għall-aħwa Degiorgio, l-Koħħu tkellem dwar laqgħa li kienet saret bejn Fredu Degiorgio u Chris Cardona qabel twettaq l-assassinju, għal liema laqgħa huwa kien preżenti.
Din ix-xhieda hi ta’ importanza kbira għaliex hawn il-Koħħu ma xehedx dwar dak li qallu Fredu Degiorgio dwar ir-rabtiet li dan kellu ma’ Chris Cardona. Xehed dwar dak li huwa stess personalment sema’ b’widnejh u li ra b’għajnejh.
Il-Koħħu xehed dwar l-impunità li ħassew li kienu qed igawdu l-aħwa Degiorgio minħabba r-rabtiet li huma kellhom mas-setgħa politika. Skont il-Koħħu, Fredu Degiorgio kien igħid “għandna s-saħħa”.
Il-Koħħu kompla jixhed billi qal li l-aħwa Degiorgio tant emmnu li ħadd ma jista’ għalihom li b’xejn ma setgħu jniżżluha li, sitt ġimgħat wara li seħħ il-qtil, spiċċaw intbagħtu l-ħabs.
Madankollu r-rabtiet li kellhom mas-setgħa politika komplew xorta waħda waqt li huma kienu maqfulin fil-ħabs u fi żmien 3 ijiem, b’xi mod, l-aħwa Degiorgio kienu saru jafu li f’April 2018 il-Koħħu kien beda jikxef mal-pulizija. Xi ħadd kien qalilhom b’dan.
U l-aħwa Degiorgio ddeċidew li jiktbu ittra lil Joseph Muscat li, milli jidher, Joseph Muscat biss kellu l-ħila li jifhimha. Illum l-avukat William Cuschieri ċaħad li kien preżenti meta tkellmu dwar din l-ittra lill-Prim Ministru. Iżda l-Koħħu baqa’ jinsisti li dak li kien qal huwa minnu.
Ilni ġranet, xhur u snin sħaħ nara kif ser inqiegħed l-istess mistoqsija bit-tama li nirċievi xi forma ta’ tweġiba. Dan kollu l-pulizija qiegħdin jinvestigawh? Ser isiru taħrikiet?
Il-bieraħ fl-istat ta’ Minnesota eks uffiċjal tal-pulizija nstab ħati dwar qtil li seħħ f’Mejju tas-sena l-oħra, jiġifieri 11 il-xahar ilu.
Hawn Malta għaliex għandna dan id-dewmien kollu?