L-omelija ta’ Monsinjur Joseph Bajada fil-quddiesa b’suffraġju għal Daphne Caruana Galizia fil-Knisja tal-Bidnija.

 

Din il-konversazzjoni bejn Ġesù u Nikodemu seħħet f’Ġerusalemm fejn Ġesù kien tela’ għall-festa tal-Għid, l-iktar festa mportanti tal-Lhud, għax fiha kienu jikkommemoraw il-ħelsien minn dawk li kienu jaħkmu fuqhom fl-Eġittu. U x’ħin Ġesù daħal fit-Tempju irrabja bl-ikrah quddiem ix-xena li sab hemm ġew, għax flok dar tal-presenza t’Alla, sab għar tal-ħallelin. Għal-Lhud it-tempju kien iċ-ċentru tal-ħajja reliġjuża tagħhom u allura kien invasat bin-nies li jiġu biex jaqdu l-obbligi tagħhom, fosthom li joffru annimali b’sagrifiċċju.

U anke hawn, fiċ-ċentru tal-ħajja, sfortunatament kif spiss jiġri, facta lex, inventa fraus. Inħolqot sistema ta’ monopolju abbusiv biex il-popolin kien ikollhom jixtru minngħand il-bejjiegħa u n-negozjanti fit-tempju, bi prezzijiet għolja għall-qliegħ tagħhom. Naturalment dan il-monopolju kien bil-barka tal-awtoritajiet. Kien hemm min ma kienx jiflaħ għall-prezz u kellu jmur lura bla ma joffri sagrifiċċju u jwettaq l-obbligi religjużi tiegħu. Is-sarrafa tal-flus wkoll kellhom dan il-monopolju. In-nies kellhom bilfors isarrfu l-flus tagħhom fi flus tat-Tempju, b’rata ovvjament li taqbel lis-sarrafa. F’kelma waħda il-post tal-presenza t’Alla kien sar post ta’ rebgħa, korruzzjoni, qerq, imwettqa mhux mill-ħakkiem barrani, imma min-nies ta’ ġewwa li kellhom il-poter. Mhux ta’ b’xejn li qabżitlu lil Ġesù.

U l-laqgħa ma’ Ġesù kienet ftit wara li Nikodemu kien bla dubju assista għal dan l-episodju meta Ġesù qaleb u farrak mhux biss strutturi abbużivi ta’ negozju, imma kixef il-kamla tar-korruzzjoni. U nafu kif irrejaġixxew l-awtoritajiet. “B’liema awtorità qiegħed tagħmel dan?” Speċi la kellhom il-poter, kellhom dritt jagħmlu li jridu; jabbużaw kemm iridu! U Ġesù ma rtirax lura! “Ħottu dan it-Tempju, u jien nerġa nibnih.” Nafu kemm dan Ġesù li ddeskriva lilu nnifsu bħala  “d-dawl veru li jdawwal kull bniedem”, insista fuq il-verità, is-sewwa, il-ġustizzja; anzi hu identifika dawn il-valuri miegħu nnifsu, u ma kien ser jasal qatt biex jikkompromettihom għall-wiċċ ħadd. U l-awtoritajiet qatt ma ħaffruhilu din lil Ġesù.

U hawn tibda l-mixja tan-Nikodemu li ġie għand Ġesù bil-lejl. Nikodemu kien Fariżew u Rabbi — Mgħallem, membru tas-Sanhedrin, wieħed tal-qalba. Ġie għand Ġesù fid-dlam. Kien imbeżża li jarawh fil-kumpanija ta’ Ġesù! Imma jidher li kien mar ifittex id-dawl. Xi ħaġa kienet qed tgħidlu li mhux kollox kien sew; li l-poter u l-posizzjoni mhux kollox! Kien hemm bżonn li xi ħadd jiċċaqlaq. U ma nafux jekk meta Nikodemu telaq lil Ġesù kienx iddeċieda li jħaddan l-istess valuri tal-Imgħallem. Jidher li rega’ sparixxa fid-dalma tal-lejl.

Imma meta nerġu niltaqgħu ma’ Nikodemu, naraw bidla profonda fl-attitudini ta’ dan il-persunaġġ (Ġw. 7). Hawn naraw il-kuraġġ li kien rabba Nikodemu quddiem ir-rabja tal-Awtoritajiet, wara li l-għasses li kienu bagħtu biex jarrestaw lil Ġesù, ġew lura mingħajru. “Wieħed minnhom, jismu Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù, qabeż u qalilhom: ‘Jaqaw il-Liġi tagħna tikkundanna lil xi ħadd qabel ma tisma’ lilu stess ħalli tkun taf x’inhu jagħmel?’” Nikodemu qam jiddefendi lil Ġesù, għamilha tal-avukat tiegħu, biex Ġesù seta’ jkollu proċess ġust. Nikodemu d-difensur ta’ Ġesù tas-sewwa, tal-ġustizzja u l-verità. Quddiem l-Awtoritajiet jinsisti fuq li jsir is-sewwa, tiġi rispettata r-rule of law, is-saltna tad-dritt. U sħabu jeħduha miegħu: “M’intix int ukoll wieħed mill-Galilija hux?” u “U wieħed wieħed telqu lejn djarhom”. (Gw. 7:53) Inħbew!

Eventwalment nerġu niltaqgħu ma’ Nikodemu t-tielet darba, u hawn nindunaw mhux biss li issa kien warrab kull biża u joħrog bid-dieher  biex jirrikonoxxi lil Ġesù bħala s-sewwa u l-verità, imma ukoll joħroġ rebbieħ billi hu stess jirrikonoxxi lil Ġesù bi Mgħallem tiegħu. Ma jiddejjaqx juri l-valuri u l-prinċipji tiegħu. Il-vjaġġ ta’ Nikodemu beda mis-Sanhedrin, għax-xettiċiżmu fl-ewwel żjara tiegħu mbeżża bil-lejl għand Ġesù, sakemm rabba kuraġġ u qam jiddefendi lil Ġesù quddiem sħabu l-awtoritajiet l-oħra, mingħajr biża  u mbagħad taħt is-Salib.

Meta d-dixxipli kollha kienu ħarbu, kien hu, li tela l-Kalvarju, iġorr is-sabbara — b’wiċċu minn quddiem fejn setgħu jarawh l-awtoritajiet kollha. Hu x’inhu, l-istorja tan-Nikodemu hi waħda ta’ min għadda mid-dlam għad-dawl, mill-biża għall-kuraġġ, mill-gidba għall-verità, mill-ħazin għat-tajjeb. U  hawn toħroġ il-veru tifsira ta’ isem NIKODEMU – żewġ kelmiet Griegi, nike li tfisser vittorja u demos li tfisser poplu: Il-Vittorja tal-Poplu. Mil-laqgħa tiegħu mad-dawl u l-verità, ma ħariġġx rebbieħ biss Nikodemu, fuq livell personali biss; imma eventwalment poplu sħiħ: vittorja ta’ poplu.

Il-wegħda ta’ Ġesù x’kienet? “Meta nintrefa ‘l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja”. Meta jerfgħuni, jgħolluni fuq salib, meta joqtluni biex jeħilsu minni, is-sewwa u l-verità joħorġu rebbieħa fid-dieher: rebbieħa fuq l-inġustizzji, fuq kull forma ta’ dlam, ta’ vendikazzjoni, ta’ qerq, gideb, serq u profitt inġust. Meta kien mingħalihom għalqu ħalq is-sewwa u l-verità, u ħasbu li neħħewh min-nofs, hemm ħarġet il-qawwa kollha tiegħu; hemm ġibed l-attenzjoni tal-ħafna: “Iħarsu – u jaraw – lejn dak li nifdu”, li qatlu.

Min qal li l-ħajja ta’ Ġesù hija esperjenza ta’ elfejn sena ilu? Min qal li mhix esperjenza attwali ta’ tant u tant martri – fosthom Daphne — li għollewhom u tajruhom u ħallsu b’ħajjithom għax kellhom il-kuraġġ li jikxfu l-verità u jiġġieldu għall-ġustizzja u s-sewwa, għas-saltna tad-dritt? U s-sewwa u l-ġustizzja joħorġu rebbieħa. Harsu lejn Ġesù.