Għalkemm jeżistu ċerti dubji dwar attivitajiet ekonomiċi li jkunu msejsin fuq il-vizzji, wieħed ma jistax ma jammettix li llum l-industrija tal-gaming hi industrija li tħaddem l-eluf u waħda li ma ntlaqtitx ħażin mill-effetti tal-imxijja.
Lil din l-industrija l-gvern qed jagħtiha bis-sieq. Hekk kif is-segretarju parlamentari Alex Muscat sejjaħ bħala “attakk fuq Malta” r-rapporti li qed jixxandru dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, il-verità hi li l-akbar attakk fuq il-pajjiż qed isir mill-gvern innifsu.
Għejjun qrib din l-industrija qaluli li tgħidx kemm kien hemm daħk u tkażar fost uffiċjali regolatorji anzjani ta’ pajjiżi oħrajn meta dawn semgħu li Malta kienet ħatret lil Ryan Pace, persuna b’esperjenza ta’ xejn fl-industrija tal-gaming, bħala chairman tal-Malta Gaming Authority.
L-istampa wkoll xejn ma mpressjonat ruħħa b’din il-ħatra. Rapport miktub minn Robert Simmons fil-ġurnal EGR igħid li Pace “li għandu taħt it-30 sena……… huwa mifhum li m’għandux esperjenza fir-regolamentazzjoni tal-imħatri”.
L-uniċi “kwalifiki” ta’ Ryan Pace huma li hu attivist fil-Partit Laburista u li ħadem bħala avukat prinċipjant fl-uffiċċju legali żgħir ta’ Robert Abela, Abela Advocates.
Bħalissa l-Malta Gaming Authority qed tipprova terġa’ tirbaħ ir-rispett tal-industrija tal-gaming wara li dawk li kienu jmexxuha nkixfu li kienu mdaħħlin fl-iskandli. Wara li nkixef li kien konsulent dwar kuntratti tal-gaming ma’ Yorgen Fenech, Joseph Cuschieri kellu jdabbar rasu mill-Malta Financial Services Authority ftit jiem biss wara li kellu jħalli l-Malta Gaming Authority.
U mbagħad, dak li daħal floku – Heathcliff Farrugia – ddabbritlu rasu mill-MGA wara li l-pulizija kixfet li kellu rabtiet korrotti ma’ Yorgen Fenech. Permezz ta’ messaġġi li ntbagħtu bejnu u bejn Yorgen Fenech, li jinsab mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Heathcliff Farrugia kkonkoffa ma’ Yorgen Fenech sabiex jitgħattew tweġibiet għal mistoqsijiet dwar imħatri llegali f’wieħed miċ-ċentri tiegħu tal-imħatri minn wieħed minn dawk li qed jiġu mixlija bl-istess qtil. Lil Fenech, Farrugia kien qallu li, bħala regolatur, ma kienx bi ħsiebu jieħu passi biex b’hekk l-aħbar ma tasalx f’widnejn “il-klikka ta’ Daphne”.
L-għaqda dwar l-industrija tal-gaming ilmentat dwar “it-telf ta’ negozju u d-daqqa ta’ ħarta lir-reputazzjoni” minħabba l-korruzzjoni u t-taħwid fl-MGA li kixfet l-istampa.
U minflok ħatar li xi ħadd li seta’ jerġa’ jkabbar il-fiduċja tal-industrija fl-MGA, Robert Abela ħatar prinċipjant mingħajr kwalifiki u mingħajr esperjenza.
Skont Julian Buhagiar tal-RB Capital, il-ħatra ta’ Ryan Pace kienet “waħda li turi faqar ta’ ideat. Awtorità li tkun trid tħares ir-reputazzjoni kien messha ħatret lil xi ħadd li għandu ċerta kredibilità.”