Agħtu daqqa t’għajn lejn ir-rapport dettaljat li xandar Ivan Martin fit- Times of Malta dwar il-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali fil-każ tal-kuntratt enormi maħmuġ pesti dwar l-espansjoni tar-residenza San Vinċenz de Paule li kien ingħata b’direct order lid-ditta James Caterers u lid-DB Group.

Skont l-Awditur Ġenerali l-gvern m’għandu ebda skuża biex jiġġustifika d-deċiżjoni li ħa fl-2017 meta njora l-liġi dwar l-offerti pubbliċi u ta lil żewġ kuntratturi kuntratt li jiswa’ mal-kwart ta’ biljun ewro mingħajr ma l-ewwel talab offerti mingħand kuntratturi oħrajn. L-istorja kellha l-bidu tagħha b’kuntratt li jiswa’ €57 miljun għall-bini ta’ kċina għar-residenti. U mbagħad kompliet b’kuntratt għall-bini ta’ żewġ blokki residenzjali (bħallikieku żiedu żewġt ifran oħra fi kċina) li tella’ l-ispiża totali minn €57 miljun għal €274 miljun. Bħallikieku ma’ ftehim għall-bejgħ ta’ karrozza, żiedu wkoll il-bejgħ ta’ showroom mal-kuntratt. U dan mingħajr ma ħadu l-briga li jduru għand bejjiegħa ta’ karrozzi oħrajn biex jippruvaw jakkwistaw l-aħjar prezz .

Lill-Awditur Ġenerali rriżultalu wkoll li l-prezzijiet ta’ dawn il-kuntratturi biex iduru bir-residenti u jitimgħuhom huma d-doppju tal-prezzjinijet tas-suq.

Ma ġara’ xejn, hux hekk? Int qed tħallas minn butek, wara kollox.

Il-kuntratt mogħti b’direct order fl-2017 segwa ieħor li fl-2014 kien ukoll ingħata direttament għall-forniment ta’ ikel lir-residenti ta’ San Vinċenz. Għaliex għandkom tkunu tafu li m’hemmx ħadd li jista’ jkun interessat li jitfa’ offerta għall-forniment tal-ikel lil sptar. Offerti bħal dawn James Barbara biss jista’ jkun interessat li jitfagħhom!

U mal-medda taż-żmien ma’ dan James Barbara ngħaqad eroj ieħor – dak li hu biss fl-univers għandu l-ħila li jibni u jħaddem bini mgħammar bis-sodod. Qed nirreferi għal Silvio Debono.

Bħalissa fil-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards qed issir diskussjoni dwar b’kemm jiswew €7,000 li ntefqu ħażin minn Carmelo Abela. Flus li ntefqu għall-ħelu wiċċu. Nixtieq li qed ngħix f’pajjiż fejn aħbar bħal din iġġiegħelni nirrabja.

Iżda fil-pajjiż li qed ngħix fih, in-nies ma tħabbilx rasha wisq meta tintebaħ li żewġ sinjuruni kbar – jiġifieri s-sidien ta’ James Caterers u tad-dB Group – ingħataw kuntratti b’mod dirett minkejja l-fatt li hemm numru ta’ kuntratturi oħra li setgħu kkompetew magħhom u tefgħu offerti bi preżż aktar vantaġġjuż għall-poplu.

M’hawn ħadd li jkun f’sensih li jaqbad u jonfoq €4,000 minn butu biex jixtri kċina mingħajr ma qabel ikun ra x’għandhom x’joffru bejjiegħa oħrajn tal-kċejjen. Iżda l-gvern li għandna qabad u nefaq €250 miljun minn flus il-poplu mingħajr ra l-prezzijiet ta’ ħaddieħor.

F’wiċċhom ma ssibx lanqas qatra waħda ta’ żejt.

Il-ġurnalisti segwew dan il-proċess mill-qrib ħafna. Araw x’kien kiteb fl-2018 Ivan Camilleri tat-Times of Malta dwar direct order ta’ €274 miljun li għaliha ħaddieħor seta’ offra prezz orħos.

Il-kwistjoni kienet ġiet mgħoddija lill-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi u mbagħad marret quddiem l-Awditur Ġenerali. U minkejja dawn l-istadji kollha, ma sirna nafu xejn aktar minn dak li diġà konna nafuh sa minn Awwissu tal-2018.

Għala? Għaliex il-gvern ġie jaqa’ u jqum. Dawn huma l-bulijiet li wara li jisirqulna l-ikel, igħaddu biex jagħtuna xeba’ ponnijiet għall-gost u l-pjaċir tagħhom u dan taħt għajnejn l-għalliem.

L-Awditur Ġenerali stqarr li jista’ jagħti l-każ li dan il-kuntratt m’huwiex validu u ma jiswiex. L-Awditur Ġenerali m’huwiex imħallef u għaldaqstant ma jistax jiddikjara li kuntratt ma jiswiex. Madankollu, fejn għandhom x’jaqsmu l-kuntratti, huwa jifhem biżżejjed biex jista’ jistqarr x’inhi l-fehma tiegħu dwar dak li jista’ jagħmel imħallef. Dan kien u hu kuntratt illegali. Li kieku fil-pajjiż teżisti s-saltna tad-dritt, meta wieħed jikkunsidra l-kobor tal-korruzzjoni li seħħet, mhux biss kien ikun hawn partita riżenji, iżda saħansitra kien iwarrab gvern sħiħ. U kien jinbeda’ proċess biex il-flus li ntefqu llegalment jinġabru lura mingħand dawn il-ħallelin liebsin ġlekk u ngravata.

Fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali wkoll għadda rimarka li tbellħek. Huwa stqarr li dan il-kuntratt ma kienx ġie mgħoddi mill-għarbiel politiku. Lis-servizz ċivili l-Awditur Ġenerali jifhmu sewwa u jaf li ebda membru tas-servizz m’hu ser jaqbad u jagħti kuntratt b’direct order jekk ma jkunx ingħata ordni minn ta’ fuqu.

Iżda r-rimarka li għadda l-Awditur Ġenerali turi li kien hemm numru ta’ persuni li kienu saħansitra lesti li joqgħodu għal ordnijiet li ma sarux bil-miktub. Il-pajjiż bħalissa qed jiġi mmexxi minn gvern stil faxxist: ordnijiet sigrieti, tgħemiż tal-għajnejn, imbuttaturi, illegalità istituzzjonalizzata u arranġamenti bejn partiti politiċi u sidien ta’ negozji kbar biex b’hekk tiġi njorata kompletament l-infrastruttura tal-Istat jew biex dejjem iseħħ ir-rieda tagħhom.

M’hawn ebda liġi li tippermetti lill-gvern li jakkwista estensjoni ta’ sptar jew kċina ta’ sptar mingħajr ma jagħti l-opportunità lill-kuntratturi li jikkompetu għall-kuntratt. Mhux biss lill-gvern Malti, iżda lil ebda gvern fl-Unjoni Ewropea. Il-gvern ġab ruħu b’mod bħallikieku ma jeżisti ħadd ħlief James Caterers u tad-db Group li għandu l-ħila li jibni estensjoni ta’ sptar u kċina. Li kieku din ma kienitx imġieba kriminali, kważi kważi tqabbdek id-daħk.

Iżda, m’għandniex xi ngħidu, mhux il-kuntratturi kollha li hemm fl-Unjoni Ewropea jagħmlu d-donazzjonijiet lill-partit politiku li qed imexxi lil Malta, u, għandi nifhem, lill-partit politiku li qed jaspira li jeħodlu postu fil-gvern.

Tagħmel sejħa biex iwarrab Anthony Agius Decelis? Min ser jagħti każ? Jew forsi sejħa biex iwarrab Roderick Galdes jew Michael Falzon? X’jitnejku.

Lill-poplu għadhom kemm serqulu kwart ta’ biljun ewro. Huma jinsabu mgħoxxijin bid-daħk u l-poplu ser jerġa’ jikkonfermahom fi-gvern għal 5 snin oħra għaliex wasalna għall-estremità li fiha ħadd m’għadu jaf x’drittijiet għandu. Il-poplu kuntent li jħallihom jisirquh u mbagħad  jirringrazzjahom talli serquh. U dawn huma l-istess nies li jridu jgħaddu liġi biex min jiġbor il-flus f’barmil fi Triq ir-Repubblika f’ġieħ il-Poppy Day ma jispiċċax jaħsel il-muniti tal-fidda tal-20 ċenteżmu li jkun ġabar mingħandek.

Viva l-Labour. Sieg Heil.