Segwu l-kummenti li ta Ian Borg lill-istampa li permezz tagħhom ħabbar li bint il-konsulent tiegħu rriżenjat mill-pożizzjoni li kellha mal-aġenzija tal-gvern li taqa’ taħtu.
Ian Borg stqarr li ma kienx jaf li Andreana Zammit, bint il-konsulent tiegħu, kienet daħħlet f’butha aktar minn €100,000 f’xogħol li kien ġie mgħoddi lilha minn Transport Malta (aġenzija li taqa’ taħt il-ministeru tiegħu). Stqarr ukoll li tat-Transport Malta jieħdu deċiżjonijiet li huma awtonomi u li dan ifisser li dawn id-deċiżjonijiet jieħduhom mingħajr ma jinfurmawh bihom minn qabel u għaldaqstant huma għandhom jerfgħu r-responsabbiltà għalihom.
Stqarrija bħal din setgħet kienet preludju għal xi oħra li fiha l-Ministru jgħid li ħa nota tar-rapporti fl-istampa, sab li kien hemm abbuż u talab li tittieħed azzjoni.
Ma tarax!
Andreana Zammit warrbet minn mat-Transport Malta.
Iżda, skont Ian Borg, din ma warrbitx għaliex hekk kien jeħtieġ li tagħmel. Għall-kuntrarju: mid-dehra din avukata “kompetenti ħafna” u din tħallset talli wettqet xogħol siewi ħafna. Ian Borg baqa’ ma spjegax kif avukata li għadha ħierġa mill-bank tal-Università, tħallset b’rata li hi ħames darbiet aktar minn dik li jitħallsu sħabha. Li kieku kienet tabiba, konna nistaqsuha jekk matul l-ewwel sena ta’ ħidma tagħha kienetx sabet fejqan għall-marda tal-kanċer. Ma nafx x’nista’ nasal biex insejjħilha l-metafora legali ekwivalenti.
Lanqas warrbet din Andreana Zammit għar-raġuni li tqabbdet mit-Transport Malta minħabba l-fatt li missierha inzerta li huwa bażużlu li għandu s-setgħa politika. Ian Borg stqarr li ma kienx hu li qabbadha. U dan ma jistax ħlief ifisser li l-konsulent li jaħdem fl-uffiċċju tiegħu lanqas hu ma kellu x’jaqsam. Hekk qed nassumi ġaladarba Ian Borg baqa’ ma keċċiex lil Jesmond Zammit.
Allura x’warrbet tagħmel Andreana Zammit? Ian Borg qal li din warrbet għaliex “ħasset li kienet qed tiġi kkritikata nġustament minħabba l-pożizzjoni politika ta’ missierha”.
Eh, mela t-tort huwa tagħna, hux hekk?
Il-pajjiż għadu kemm tilef is-servizzi legali ta’ avukata brillanti li titħallas €100,000 fis-sena biss u dan minkejja l-fatt li għadha ħierġa mill-bank tal-iskola u dan tort tat-Times of Malta u ta’ kritiċi oħrajn li kienu nġusti magħha.
Mur saqqi l-ħass, Sur Ian Borg!
Din kellha twarrab għax inkixfet. U ġaladarba int mhux ser tkeċċi lil ħadd, int ser ikollok terfa’ r-responsabbiltà għall-ħlas lura lill-poplu tal-flus li nsterqulu. Flus li tberbqu biex ikunu jistgħu jgawduhom il-galoppini tiegħek.
U, minn fuq, trid tixħet it-tort fuqna.
Ma tafx tistħi.