Aaron Farrugia talab lil ommu biex ma tkomplix timbarazzah quddiem sħabu. Kien qisu tifel żgħir ikellem lil omm li tkun xebgħet issegwih sal-iskola biex tirramba lil min, skont hi, m’għandux grazzja mal-għażiż dudu tagħha.
Dan l-aħħar omm Aaron Farrugia kellha ħafna b’xiex tħabbel rasha hekk kif binha beda’ jħajjar lin-nies iħawwlu ż-żriegħ tal-fjuri tar-rebbiegħa daqshekk tard fl-istaġun, hu u jagħti x’jifhem li kien qed jagħżaq fil-ħamrija.
U mbagħad tfaċċa Silvio Schembri u garrilna li martu kienet qed iġġiegħlu jqattagħlha t-tursin u jħalltu mas-salmonella li kellu quddiemu fuq irħama. Mid-dehra dan Silvio Schembri ma tantx jiddiletta bit-tisjir u jrid iwasslilna din l-aħbar. Qed nimmaġina li ommu bejn u bejn ruħħa ser tgħid li l-mara ta’ binha m’hix iġġib ruħħa sewwa miegħu.
Dawn iż-żewġ episodji seħħew fl-aħħar 24 siegħa.
Jidher li skont il-Ministri tagħna jeħtieġ li nsegwuhom ukoll waqt li jkunu qed isajjru fil-kċejjen tagħhom. Hawn taħt jidher Owen Bonnici taparsi qed jaqli bajda waqt li n-nar tal-cooker jinsab mitfi – jekk xejn wera’ li lanqas biex jaqli bajda m’għandu l-ħila. U x’aktarx li lanqas m’hu ser ikollu l-ħila jerġa’ jitla’ fil-Parlament.
U xi ngħidu għal Rosianne Cutajar? Jekk tagħtu titwila lejn l-Instagram tagħha għandkom issibu geġwiġija ta’ ritratti li fihom tidher tippoża. Bħallikieku qiegħda tgħid “arani Ma!”
Bir-raġun il-Partit Nazzjonalista qed jagħmel sforz biex jippreżenta numru ta’ wċuħ ġodda bil-għan li jikkonvinċi lill-elettorat li l-prodott li ser joffri ser ikun aqwa minn dak tal-Labour. Madankollu dawn l-uċuh ġodda għandhom jiżguraw li ma jiżolqux fin-niexef.
Jekk dak li jkun għal qalbi jikkonsisti f’ruxxmata ritratti mimlijin vujtaġni u vanità, nippreferi nfittex ritratti tal-famużi “influencers” għaliex għallinqas dawn ma jippretendux li jitħallsu mit-taxxi tiegħi.
Ministru tal-gvern li jkun serju m’għandu qatt jehda b’dawn il-frivolitajiet.