Li kieku Malta hi pajjiż normali, bħalissa għandna kriżi politika taħraq fuq ħoġorna. Ninsabu fuq il-Lista l-Griża mhux minħabba xi diżgrazzja li ġratilna bħal meta kienet faqqgħet kriżi dwar il-prezz taż-żejt. Jew bħal meta nkalja vapur u niġġeż il-baħar jew bħal meta jseħħ xi terremot.
Dak li seħħ il-bieraħ ma kien xejn ħlief falliment politiku katastrofiku tal-mexxejja politiċi tagħna. U li kieku Malta hi pajjiż demokratiku normali, l-Parlament ma jitlifx żmien u jfittex li jiddibatti mozzjonijiet urġenti ta’ fiduċja u n-nies jibdew jinsistu li għandha ssir elezzjoni ġenerali mmedjata biex ikun jista’ jiġi elett gvern li jibda’ mill-ġdid.
Xbajt naqra’ kitbiet patetiċi fil-Facebook miktubin minn esponenti taż-żewġ naħat biex igħidulna li issa m’huwiex iż-żmien li noqgħodu nfittxu f’min ser inwaħħlu. X’inhu? Tul dawn l-aħħar seba’ snin konna nafu ben tajjeb lejn minn għandna nippuntaw subgħajna. U jekk dawn ma kienux jafu, jmisshom iħabbtu fuq sidirhom u jwaħħlu fihom infushom talli m’għamlu xejn biex iwaqqfu dan id-diżastru minkejja li kienu jafu li xi darba dan kien ser jasal. Aħna ma bqajniex b’idejna fuq żaqqna.
Għalkemm huma bosta dawk li ma jammettuħx, huwa ċar li dak li seħħ il-bieraħ huwa r-riżultat tal-korruzzjoni u tal-impunità li ħakmu lill-pajjiż kemm ilu li sar prim ministru Joseph Muscat. Iżda mhux biss.
Malta ma tqiegħditx fuq il-Lista l-Griża għaliex f’pajjiżna r-rata tat-taxxa għall-barranin hi baxxa. Ir-rata tat-taxxa għall-barranin f’Malta ilha baxxa mis-snin 80. U tal-FATF ilhom fix-xena sa mis-snin 80 ukoll. Fl-Irlanda, f’Ċipru u fil-Lussemburgu, r-rata tat-taxxa hi baxxa wkoll (għalkemm hu veru li m’hix baxxa daqs ta’ Malta) u ebda wieħed minn dawn il-pajjiżi ma nxteħet fuq il-Lista l-Griża jew ġie mhedded li jitqiegħed fil-Lista.
Għaldaqstant jekk int wieħed minn dawk li fil-prinċipju ma taqbilx mas-sistema ta’ taxxa baxxa – u jien qed nersaq qrib lejn din il-fehma – dak li seħħ il-bieraħ jista’ jitqies bħala l-bidu tat-tmiem ta’ din is-sistema. Iżda l-prinċipju m’għandu x’jaqsam xejn.
Li kieku Malta ma kellhiex l-istruttura li għandha ta’ taxxi baxxi, xorta waħda kienu jixħtuna fuq il-Lista l-Griża ġaladarba l-klikka ta’ Joseph Muscat kompliet titħalla tgħaddiha lixxa dwar ir-reati kriminali li wettqet. Fiż-Żimbabwe m’għandhomx struttura ta’ taxxi baxxi iżda dan huwa pajjiż li hu mmexxi mill-ħallelin. U ż-Żimbabwe jinsab fl-istess lista li issa ninsabu fih aħna wkoll. U, għall-benefiċċju tat-trolls razzisti li tgħidx kemm jitkażaw għall-fatt li jien kont għamilt żmien ngħix f’dan il-pajjiż, kien l-għażiż Partit Laburista tagħhom li qiegħdna f’dik il-Lista u mhux it-“tank ħara tal-Arriva” li tant jinqalgħu biex igħajjruh.
Mhux hekk biss. Il-Lista l-Griża ma tagħmilx ħsara biss lill-istruttura li għandna ta’ taxxi baxxi. Jekk għandek l-intenzjoni li tinqata’ totalment mill-bqija tad-dinja (dan lanqas tal-Korea ta’ Fuq ma joħolmu li jagħmluh) xorta waħda jkun jeħtieġlek li tħallas lill-bank, li titħallas, li tissellef u li tislef biex tkun tista’ tinnegozja mal-bqija tad-dinja. Il-gvern xorta waħda jkun jeħtieġ li jissellef il-flus mis-swieq finanzjarji tad-dinja. U dak li jfornilek l-enerġija, xorta waħda jkun jeħtieġ li jixtri ż-żjut u l-gass minn barra. U għad jasal żmien li fih ma nkunux nistgħu nkampaw weħidna.
Miż-żminijet meta l-Feniċi kienu ġew Malta biex jinnegozjaw ‘l hawn, il-fiduċja kienet dejjem is-sies ewlieni biex stajna nixtru u nbiegħu il-prodotti. Il-liġijiet, ir-regolamenti, l-istrutturi fiskali u l-banek ilkoll huma importanti. Iżda jintilef kollox jekk ma nkunux fdati. Dak li għadna kemm tlifna hi proprju l-fiduċja.
Għaldaqstant jeħtieġ li nirrikonoxxu x’wassal biex ninsabu fit-toqba li waqajna fiha. Huwa ċar li mhux biżżejjed li jinbidlu l-liġijiet u li jiżdiedu l-prosekuzzjonijiet.
Robert Abela u sħabu qed jilmentaw li l-kastig li ngħata l-pajjiż ma kienx “ġust” għaliex, minn Jannar 2020 ‘l hawn kemm ilu li sar prim ministru, huma għamlu dak kollu li kienu ntalbu li jagħmlu.
Il-verità hi li ma kienx il-gvern li ntalab jagħmel dawn it-tibdiliet. Kien il-pajjiż li ntalab li jagħmilhom. Il-gvern ta’ Malta tilef il-fiduċja tal-komunità internazzjonali u m’hu qed jagħmel assolutament xejn biex jerġa’ jirbaħha. Malta qed tintalab li turi l-impenn tagħha li terġa’ tingħaqad mal-bqija tad-dinja u dan inkunu nistgħu nagħmluh biss jekk ma ntellgħux fis-setgħa ministri korrotti, jekk ma nkomplux nagħtu sostenn lill-avukat ta’ Joseph Muscat u jekk ma nkomplux nagħtu l-kenn lil ministru tal-gvern li jinsab mixli mill-allegati kompliċi tiegħu b’attentat ta’ serqa armata minn bank.
It-trolls tgħidx kemm iwerżqu li tal-PN ma jistgħux jiggvernaw minħabba l-“passat” tagħhom. Tafu intom, minħabba l-arloġġ tal-lira. U skont dawn it-trolls jien m’għandix dritt għall-fehmiet tiegħi minħabba l-“Arriva”.
Kienu x’kienu l-iżbalji li kienu wettqu l-gvernijiet Nazzjonalisti ta’ qabel l-2013, meta tal-PN kienu fil-gvern, Malta kienet tgawdi rispett mill-komunità internazzjonali. Kontra kull parir li kellhom minn ċerti pajjiżi, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea qablu mad-dħul ta’ Malta bħala sieħeb ugwali. Ftit wara daħħluna wkoll fiż-żona ewro. U meta skattat il-kriżi fil-Libja, Malta wriet li, bħala alleata, setgħet tiġi fdata.
Id-dinja kienet tafdana, għaliex biex imexxuna tellajna grupp ta’ persuni diċenti. Kien hemm żmien li fih anki n-Nazzjonalisti setgħu tellfu xi ftit mill-fiduċja li kienet tgawdi Malta. Dan kien meta bħala Kummissarjiu Ewropew kien inħatar John Dalli – bniedem li nafu li huwa ħalliel. Diġà kien biżżejjed li dan kien ġie mġiegħel iwarrab. Iżda d-doża kompliet tiżdied dakinhar li Joseph Muscat keċċa lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex John Dalli jkun jista’ jirritorna lura Malta bla xkiel u fl-istess waqt igawdi mill-impunità.
Taħsbu intom li l-komunità internazzjonali ser tagħti xi widen jew ser tafda lill-eks konsulent legali ta’ Joseph Muscat, l-istess bniedem li baqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu lill-imsemmi eks prim ministru fiż-żmien meta kienu qamu l-irwiefen kollha b’riżultat tal-iskandlu tal-Panama Papers? Taħsbu intom li l-komunità internazzjonali ser tagħti każ jew tikkalkula lil Evarist Bartolo – l-istess bniedem li, minkejja li ilu snin twal ihewden dwar il-liġijiet għall-allat u l-liġijiet għall-annimali, baqa’ b’idejh fuq żaqqu għax moħħu kien biss dwar kif politikament seta’ jżomm fil-wiċċ?
Nifhem li tal-PN ma jridux jidhru li qed jimminaw l-isforzi tal-gvern biex isib tarf ta’ din il-problema. Iżda s-soluzzjoni ċertament m’hix li dawn jiffurmaw parti minn task force flimkien ma’ Robert Abela.
Robert Abela u l-klikka tiegħu ta’ ġwejjef, ħallelin u bħaħan, kif ukoll Silvio Schembri jeħtieġ li jwarrbu lkoll kemm huma. Jeħtieġ li dawn jieħdu posthom nies serji u mhux persuni li jitkellmu biss dwar bidliet u mbagħad iħallu kollox kif inhu.
Robert Abela u l-klikka tiegħu jeħtieġ li jidħlu flokhom persuni li lil Joseph Muscat, lil Keith Schembri, lil Brian Tonna, lil Paul Apap Bologna, lil Konrad Mizzi, lil Joe Gasan, lil Chris Cardona u lil Carmelo Abela ma wiegħduhomx impunità perpetwa, jiġri x’jiġri. U lil Yorgen Fenech, li sal-lum għadu mhux formalment mixli dwar atti ta’ korruzzjoni. Għaliex jekk jittieħdu passi kontra min xaħħam, jeħtieġ li jittieħdu passi wkoll kontra min ixxaħħam.
U Robert Abela u l-klikka tiegħu dan m’huma ser jaslu qatt biex jagħmluh. U jekk jerġgħu jitilgħu fl-elezzjoni li ġejja, tistgħu tibqgħu ċerti li Malta ser tibqa’ mhux fdata mill-bqija tad-dinja għal 5 snin oħra. Tlifna rasna daqshekk?
Li kieku Malta kienet pajjiż normali, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma kienx joħroġ l-id tal-ħbiberija u joffri li jieħu sehem f’task force konġunta mal-kriminali li jaħtu għal dak li seħħ il-bieraħ.
Li kieku Malta kienet pajjiż normali, l-Kap tal-Oppożizzjoni bħalissa għoddu nħanaq jinsisti li ssir elezzjoni ġenerali mmedjata.
Mhuwiex jinsisti mhux minħabba difetti fil-karattru tiegħu jew minħabba politika żbaljata. Ma nagħtiħx tort. Jien ukoll nara r-riżultati tas-sondaġġi u nifhem li, kieku kellha ssir elezzjoni issa – minkejja id-diżastru li seħħ il-bieraħ – tal-Labour jerġgħu jirbħu bil-kbir.
Dik hi l-problema. Mhix l-Oppożizzjoni li m’hix normali. Huwa l-elettorat li qed jippremja l-korruzzjoni, l-inkompetenza u din il-mistħija li ġarrabna b’rimarki bħal ‘prosit Ministru’ u ‘għada xorta jisbaħ taħt il-Lejber’.
B’mentalità bħal din, kif nistgħu qatt nippretendu li d-dinja għandha tafdana?