Omar Debono ma jistax jitqies għal kollox bħala persuna pubblika. Iżda dak li kiteb fil-Facebook u l-kariga li jokkupa tagħti xi ftit tal-ħjiel dwar il-mentalità ta’ dawk li ngħataw il-ħatriet u dwar il-fatt li b’nies bħal dawn ftit hemm ċans li noħorġu mit-toqba li xeħtuna fiha.

Omar Debono huwa wieħed mill-kapijiet ta’ entità li sejjħulha “l-Awtorità Maltija dwar l-Innovazzjoni Diġitali”. Din hi aġenzija li ħoloq dak il-baħnan ta’ Silvio Schembri fiż-żmiem meta kienet għadha moda Malta tissejjaħ “Blockchain Island”.

Kien messhom sejjħulha “Mafia Island”. Huma u jwettqu dak li kienet qiegħda tbassar id-dinja, u kif, kontra qalbu, ammetta Clyde Caruana fuq it-televiżjoni, x’aktarx li kienet il-kwistjoni tal-crypto currency li spiċċat biex irranġatna għall-frisk. Din kienet waħda biss mir-raġunijiet li minħabba fiha tal-FATF dehrilhom li kellhom iwissu lill-investituri, lill-bankiera u lix-xerrejja biex ma jersqux lejn gżiritna.

Mijiet tal-miljuni għaddew minn pajjiżna meta ġiet varata din l-idea diżastruża ta’ Joseph Muscat. U x’aktarx ukoll li wħud minn dawn il-miljuni, li x’aktarx ukoll kienu ġejjin minn attivitajiet kriminali, sabu ruħħom fil-bwiet tat-terroristi.

Omar Debono huwa wieħed mill-kapijiet tal-aġenzija li għamlet ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ Malta – ħsara li ser tissarraf fit-telfien tal-ħobż (jew parti mill-ħobż) tal-ħaddiema. L-iskandlu tal-Panama Papers, l-impunità li gawdew u li għadhom igawdu Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, l-iskandlu tal-Electrogas: għal dawn kollha (u aktar) ċertament ma taħtix din l-aġenzija li Omar Debono hu wieħed mill-mexxejja tagħha.

Iżda jekk, kif stqarr Clyde Caruana, kien il-crypto li spiċċa biex wassalna fix-xifer, kien hemm ukoll persuni fl-aġenzija li kien messhom xammew x’kien ġej u kien messhom ħadmu biex jiġi evitat dan id-diżastru. U b’dak li seħħ il-bieraħ kont nistenna li n-nies tal-“Malta Digital Innovation Authority” għandhom isoddu ħalqhom u dan biex ma tkomplix toktor il-ħsara.

Ma tarax! Omar Debono jidhirlu li għandna nkomplu nagħmlu l-arja permezz tal-kitba tiegħu fil-Facebook. Skont dan l-imbierek, għandna nuru lid-dinja – speċjalment lill-Amerikani, lill-Ingliżi u lill-Ġermaniżi – li għandna par bajdiet imdendlin bejn riġlejna u li m’humiex ser inħalluhom jagħmlu l-arja magħna.

Il-kitba tiegħu għandha bixra Mintoffjana. Kiteb li Malta għandha “l-assi”. Bħallikieku għandna xi ammonti kbar ta’ armi nukleari moħbijin x’imkien.

Tgħid wasal iż-żmien li nirrikonsidraw il-pożizzjoni tagħna? Tgħid wasal iż-żmien li nuruhom x’insarrfu? Tgħid wasal iż-żmien biex Malta tieqaf lil dawk li qed jagħmlu l-arja magħha u turihom ir-riedni f’idejn tassew f’idejn min qiegħed?  

Dan l-imbierek, li għal ġieħna huwa wieħed mill-kapijiet tal-crypto agency tal-gvern, mingħalih li aħna – jiġifieri Malta – “tassew għandha r-riedni f’idejha”. U jrid li nieqfu lil min irid jagħmel l-arja magħna. Li tfisser li jridna nagħmlu l-arja magħhom.

Dan mhux biss inqata’ sewwa mill-art. Qed igħix fis-sħab ukoll.

Jeħtieġ nifhmu li l-politika barranija ta’ Malta – lanqas tal-Mintoffjani li kienu jxewwxu kontra l-barranin – qatt ma ġiet kundizzjonata miċ-ċokon tagħna. Iċ-ċokon ma żammniex milli nissieħbu fl-Unjoni Ewropea bħala sħab ugwali għalkemm lest naqta’ rasi li Omar Debono x’aktarx kien wieħed minn dawk li vvutaw għall-partnership.

Dan l-uffiċjal għoli ta’ aġenzija f’pożizzjoni strateġika li tant għamlet ħsara lil pajjiżna madankollu qed igħidilna li d-“diplomazija” li ma ġġibhiex żewġ fil-konfront tar-Russja, m’hix ser iġġibha żewġ għal Malta.

Fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom wara d-deċiżjoni tal-bieraħ, bniedem bħal dan imissu jsodd ħalqu u jmissu jħalli lill-ministri li tant iqim jippruvaw isewwu huma l-ħsara li twettqet. Imsshom igħidulu li l-kitba tiegħu fil-Facebook x’aktarx ser tasal ukoll quddiem tal-FATF.

U lil dawn tal-FATF ma tlumhomx jekk xi darba għad jistaqsu jekk il-Maltin humiex tassew interessati li jsewwu l-ħsara.

Għandi nkun jien li noqgħod nagħtih il-pariri biex isodd ħalqu? Dan ċertament mhux xogħli.

Xi xhur ilu, Omar Debono ingħaqad ma’ dawk li għadhom ma xebgħux iħambqu li jien traditur ta’ pajjiżi dakinhar li jien tlabt lill-gvern  biex isalva ħajjet dawk l-immigranti li kienu qed imutu mgħarrqin fl-ibħara tagħna anki fiż-żmien li fih l-imxijja Covid kienet għadha magħna.

Dak iż-żmien kien kiteb li jien għandi nsodd ħalqi għaliex ma kienx għadda żmien biżżejjed miż-żmien tal-“pudini” (hawn kien qed jirreferi għar-riforma tal-karrozzi tal-linja tal-2011) biex jien nesprimi opinjoni dwar jekk dawn in-nies għandhomx jiġu salvati minn pajjiż li kellu l-ħila li jsalvahom.

Fis-sajf ta’ għaxar snin ilu, bis-saħħa tal-pudina tiegħi, rritardjaw il-karrozzi tal-linja u Boris Johnson kien sab l-okkażjoni biex jgħaddina xi ftit biż-żmien.

Iżda l-pudina tiegħek, Sur Debono, hi l-aħħar waħda minn sensiela li tista’ twassalna għar-rovina finanzjarja.

Illum, bħal kull jum ieħor, nippreferi li nibqa’ fiż-żarbun tiegħi milli nidħol f’tiegħek.