Din in-novella satirika hi miktuba minn xi ħadd li naf, iżda li minħabba xogħolu ma jistax jiffirma ismu.

Marta minn dejjem kienet mara sabiħa. Iż-żwieġ tagħha ma’ Nazju kien irnexxa, u kellhom żewġt itfal żgħar li kienu l-mimmi ta’ għajnejhom. Minkejja t-tfal li kellha, Marta ma kienet  tilfet xejn minn ġmielha, anzi! Kienet kompliet sbieħet u figurietha kien imtela u s-sura ta’ dawk in-nisa li ssib fil-katalgi tal-ħwejjeġ.

Nazju kien raġel serju, u jħobb il-familja, u kellu sens ta’ dixxiplina fuq uliedu. Minkejja l-imħabba kbira li kellu lejhom, kien jaf li kultant l-imħabba trid turiha mhux billi tagħtihom kull ma jridu, imma billi tara li jkollhom kull ma għandhom bżonn. Kien jaf ukoll li r-riżorsi tiegħu, minkejja x-xogħol kollu li kien jagħmel, ma kienux infiniti. Kien jipprovdi tajjeb, imma biex jgħaddu minn xahar għal xahar, u fl-istess ħin iżomm riżerva għal xi żmien meta l-affarijiet jiġu ħżiena, kien hemm bżonn l-għaqal. Dan l-għaqal sabu meta l-kumpanija fejn kien jaħdem, tilfet xi kuntratti, u waqqfulu s-siegħat żejda li kien jaħdem biex jaqla’ ftit overtime. Xi ħaġa mwarrba kien hemm, u bejn b’naqra issikkar, u bejn billi daru għal ta’ taħt rashom, kienu qed jirnexxilom jgħaddu.

Però, ma kienx hemm lok għal ċerta kapriċċi, għax ‘l-ewwel il-pappa, imbagħad l-umpappa’, jgħid tajjeb il-Malti. It-tfal, speċjalment iż-żgħir, ma fehmux x’kien ġara. Qatt ma kellhom xi fsied esaġerat, iżda kienu draw b’dawk il-kapriċċi żgħar, speċjalment ta’ tmiem il-ġimgħa. Iċ-ċirkostanzi kienu ddettaw mod ieħor, u l-għaqal u l-bżonn kienu jfissru li l-ħarġa ta’ kull nhar ta’ Sibt għal pizza u ġelat, kienet saret ta’ darba fix-xahar. Iċ-cintorin kellu jiġi ssikkat mhux ħażin.

Marta ma kienitx kuntenta bis-sitwazzjoni, u għalkemm kienet taf li Nazju kien qed jagħmel l-almu tiegħu, u li fil-fatt bis-saħħa ta’ l-għaqal u l-bżulija li kien dejjem wera’, kienu qegħdin iġaħġuha, kultant kien jidħolla fellus f’rasha li forsi hi, l-isbaħ tfajla tar-raħal, kienet setgħet sabet xi ħadd aħjar. Ifhmuni, aħjar minn Nazju ma tantx setgħet issib, għax kien raġel serju, ta’ rispett u tal-familja, minkejja li ma kienx sinjur. Imma f’dik is-siegħa daqsxejn ħażina, l-idea li setgħet sabet raġel iktar sinjur bdiet kultant tberren f’moħħha. Jaħasra, bħallikieku il-flus jagħmluk raġel aħjar!

Dan it-tberrin forsi ma kien jasal imkien kieku ma kienx hemm żewġ fatturi oħra. L-ewwel wieħed kien it-tgergir tat-tfal, li kienu jilmentaw li ma kellhomx l-istess affarijiet li kellhom it-tfal tal-ġirien. Dan it-tgergir, xi ftit jew wisq, saħħilha d-dubbji, speċjalment li kienet qed tonqoshom.

Imbagħad kien hemm il-fattur l-ieħor, il-fattur li ilna nsibuh sa mill-bidu taż-żmien. It-tentazzjoni tas-serp. Kif diġà għidtilkom, Marta kienet xempju tas-sbuħija, u l-irġiel kollha tar-raħal kienu jikluha b’għajnejhom meta tgħaddi minn quddiemhom. Fost dawn kien hemm ċertu Żeppi, li kien ibigħ il-karozzi ma’ wieħed mill-aġenti li kien hemm il-Gżira. Kif kien jitlob xogħolu, kellu lsienu taz-zokkor, u kellu ħabta li jikkonvinċi bi kliemu liema bħalha. Kien ilu li tefa’ għajnejh fuq Marta, u bħal donnu ħass li kien hemm xi ħaġa li mhux qed iddoqq f’ħajjitha, u qal, bejnu u bejn ruħu, ‘Issa ċ-cans. Dik żgur imxebba minn Nazju, u jew issa jew qatt.’

Stenna l-mument tiegħu, u beda jimpusturaha, kif kien imdorri jagħmel meta jkun qed ibigħ xi karozza. Kelma ‘l hawn u kelma ‘l hemm, imbagħad meta daħlet naqra kunfidenza, anki xi rigali bdew ġejjin, u l-ħajt tas-sejjiegħ tmermer u ċeda. Żeppi beda jiltaqa’ bil-moħbi ma’ Marta minn wara dar Nazju, sakemm fl-aħħar ħareġ kollox fil-beraħ, u dak li kien, sa dakinhar, żwieġ ħieni u magħqud sfaxxa.

Ma hemmx għal fejn ngħidu, Nazju ma setgħax jifhem x’kien wassal għal dan. Ma setgħax, jew ma riedx, jaċċetta li minkejja dak kollu li kien għamel għall-familja, kien spiċċa mwarrab. Ma setgħax iġerraħ il-fatt li l-karattru sod u tad-deheb tiegħu kien safa mpartat mat-tlellix tal-porporina. Daħal fih innifsu u moħħu ma baqax dak li kien. Baqa dejjem jistaqsi lilu nnifsu, ‘Imma għalfejn? Jien ma għamilt xejn ħażin. Mhux it-tort tiegħi.’ Qatt ma rnexxilu joħroġ minn din il-mentalità, għax kien fidil biżżejjed li kien jemmen li, ġaladarba huwa għamel l-almu tiegħu u bir-riżorsi li kien hemm kien żamm il-familja għaddejja, kellu jkun biżżejjed.

Sadanittant, Marta intefgħet b’ruħha, imma wisq iktar b’ġisimha, ma’ Żeppi. Iżda, kif nafu lkoll, mhux kull ma jleqq huwa deheb. U Żeppi ma kienx dak is-sinjur li kien wassalha biex taħseb li kien.  U lanqas ma kien xi wieħed li tista’ torbot fuqu. Ma kienx in-nemlu bil-għaqal li kien Nazju, iżda kien il-farfett, moħħu biss biex itir għal fuq xi fjura, ħsiebu biss biex jieħu li jista’ minnha, qabel ma jmur fuq oħra.

U minn Marta malajr beda jixba. Kien wegħda ħafna, u issa beda jara li ma setgħax ilaħħaq mal-wegħdiet li kien għamel. U allura ħaseb li kien wasal iż-żmien li Marta tibda troddlu xi ħaġa, u kien jaf kif. Kellu ċirku ta’ ħbieb li kienu tal-qatgħa tiegħu, u beda jistedinhom id-dar għal xi festin kultant. Lil Marta daħallha fin fin, u f’dawn l-okkażjonijiet, kien iġagħla tilbes b’mod provokattiv. Ħaġa twassal għall-oħra, u malajr beda jkollha x’tagħmel.

Sħab Żeppi ukoll riedu jduqu mill-ġmiel ta’ Marta u darba wieħed u ieħor, kien imissu jqatta xi sagħtejn magħha. Naturalment, Żeppi kien ibill subgħajħ u għall-bidu, minkejja li kien ċirku ristrett, beda jaqlagħha tajjeb. Jekk Marta kien kellha xi illużjoni li Żeppi kien iħobbha, malajr neħħietha, imma kienet aċċettat dak li kienet qed tagħmel, u tikkonsla lila nnifisha għax issa setgħet tikkuntenta lill-uliedha b’dak kollu li riedu, anki jekk kienu affarijeit li ma kellhomx verament bżonnhom – ‘L-aqwa li aħjar mit-tfal ta’ ħaddiehor.’  Jaħasra, bħallikieku il-flokkijiet iffirmati minn naħa għall-oħra, l-iktar mowbajl modern, jew xi slipper bi stilla kbira blu u ittri ħomor,  jagħmluk t-tfal tiegħek aħjar minn ta’ ħaddieħor!

Però t-tfal bdew jieħdu pjaċir, speċjalment iż-żgħir. Ma kellhom ebda ħjiel minn fejn kien ġej dan il-lussu, u bil-mentalità tagħhom ta’ tfal, ma tantx kien jimpurtahom, biex ngħidu kollox. Żeppi tielgħa u Żeppi nieżel, kemm kienu jadurawh. Kien is-sors ta’ kollox mingħalihom. F’moħħhom, huwa kien qed jagħtihom kollox,  għax huwa ma kien jieqaf qatt ifakkarhom x’tahom il-bieraħ, x’tahom illum u x’ser jagħtihom għada. Qatt ma qallhom li dak li kien qed jagħtihom kien biss loqma minn dak li kien qed jegħrda minn ġisem ommhom il-għażiża.

Il-kbira kienet ukoll ferħana bis-sitwazzjoni l-ġdida li kella l-isbaħ ħwejjeġ, u l-iktar mudell riċenti ta’ mowbajl. Imma xi ħaġa nieqsa bdiet tħoss. Dawk is-serati sempliċi ta’ familja meta l-imħabba kienet tintwera mhux bl-estravaganza, iżda b’mod sempliċi u ġenwin, ma kienu għadhom hemm. Kultant, waħidha fis-sodda, għax kienu jibgħatuhom jorqdu kmieni meta jkun hemm il-‘mistednin’, kienet tisma’ ħsejjes minn isfel li ma kienitx tifhimhom. F’dawk il-mumenti xi ftit jew wisq, kienet bdiet tħoss in-nuqqas ta’ Nazju, u tiddubita kemm fil-fatt kienu aħjar l-affarijiet. U dan meta kienet għada ma tafx kollox.

Sħab Żeppi ma kienux xi ċirku kbir, u wkoll xebgħu jieklu dejjem mill-istess borma, speċjalment meta kienu qed iħallsu mhux ftit. Iż-żelqa f’din il-ħajja kienet ukoll ħalliet impatt negattiv fuq Marta, u l-ġmiel beda jonqos. Żeppi kien dera jpappiha tajjeb minn fuqha. Qatt ma kien qalagħha daqshekk tajjeb, u x-xogħol beda jogħġbu. Iddeċieda li jwessa ċ-cirku. Naqqas il-prezz, tefa xi ftit riklami diskreti fuq l-internet, u l-irġiel żdiedu. Il-flus baqgħu deħlin, il-kapriċċi għat-tfal baqgħu isiru, imma Marta bdiet titherra. Ma kenitx għada il-mara sabiħa u kburija biha nnifisha li kienet sa ftit taż-żmien qabel. Kienet tmermret minn ġewwa u kienet taf ukoll li l-istil ta’ ħajja u kapriċċi li kienet xtrat billi biegħhet lilha nnifisha ma setgħux jibqgħu għaddejjin għal dejjem. Ir-riżors li kien sfrutta Żeppi, is-sbuħija ta’ ġisimha, beda jispiċċa. Il-prezz li kien tħallas għal ftit kapriċċi għal uliedha, u għal ħafna ta’ Żeppi, kien għoli wisq.

Il-ġarra ġejja u sejra, fl-aħħar tinkiser. Dak li hija kienet qed tagħmel, mingħaliha bil-moħbi, kien qed jiġi nnutat fir-raħal. L-illużjoni li kellha illi dak li jiġri ġewwa l-erba’ ħitan ma jarah ħadd, kienet biss illużjoni. L-ilsna bdew iċaqċqu u bdiet tinnota ħars ikraħ, fejn qabel kien hemm ammirazzjoni. Bdiet tinnota ħars ta’ stmerrija fejn qabel kien hemm l-għira. Bdiet tħossha mdejjqa u ma tafx fejn se taqbad titfa’ rasha.

Żeppi lanqas ma kien ferħan bis-sitwazzjoni. Issa ma kienx għadu jidher li qiegħed mal-isbaħ waħda, iżda mal-qaħba tar-raħal. Beda jara kif ser jagħmel biex joħroġ lilu nnifsu mill-istorja u jara f’min ser iwaħħal. Ilsienu wżah tajjeb u lil Marta beda jbellalha r-ross bil-labra, mingħalih. “Żgur li Nazju qed ixandrek mar-raħal! Dak qatt ma aċċetta li int tlaqtu, u spiċċa jgħid kontrik mas-sebat irjieħ, u jaqla l-qlajjiet fuqek.”

Marta ma kenitx għada mgħomija bħal qabel, u ażżardat tmerih, “Qlajja? Ma humiex qlajja, Żeppi. Ġibtni qaħba u f’ilsien in-nies.”

“U le. Mhux hekk l-affarijiet. Nazju xandrek. Kollu t-tort tiegħu. Kieku ħadd ma kien ikun jaf. Dak sar jobogħdok lilek għax ma aċċettax li ma għadekx miegħu. Vera li qed tagħmel ma hux sewwa sa barra, imma ara kemm xtrajnilhom xorti lit-tfal. Ara kemm gawdew! Nazju ma felaħx jarahom igawdu, u allura qagħad izekzek kontrik. Hu ġabek qaħba u mhux jien.”

Marta ma kenitx konvinta milli kien qed jgħidilha, però għalqet ħalqa. It-tfal ma kienux għadhom żgħar u kienu bdew jifhmu xi ħaġa. Darba t-tifel iż-żgħir ġie lura mill-iskola, u lil ommu qallha, “Mà, it-tfal illum bdew jgħajjruni li int qaħba. X’jiġifieri?”

Oħtu kellha iktar ħażen, u kienet xebgħet tisma’ botti mingħand sħaba, u allura weġbitu hi, “Jiġifieri tmur mal-irġiel għall-flus, baħnan!”

Iż-żgħir issomma. “Vera, mà?”

Dak il-ħin daħal Żeppi, u kollha ħarsu lejh.

Huwa sab ix-xoqqa f’moxtha u ra ċ-cans li kien qed jistenna biex idabbar rasu, u jieħu miegħu dak li kien irnexxilu jakkwista minn fuq dahar Marta.

“Minn fuq! Hekk baqa jonqos ukoll, se dduru fuqi? Insejtu kemm tajtkom affarijiet, kemm gawdejtu miegħi? Ara la dan il-grazzi li qed nieħu ser nitlaq ‘l hemm. Fendu għal raskom.” U bla sliem u bla kliem telaq ‘il barra, u reħilha lejn raħal ieħor, fejn kien diġà mmarka mara oħra li seta jirkeb u jkompli jakkwista minn fuqha.

L-omm u wliedha ma qalu xejn. It-tfal bdew isaqsu lilom infushom kif jista jkun. Possibbli li Żeppi, li tant kien jurihom imħabba permezz tax-xinxilli, kien abbandunahom hekk, wara li ġabom fiex ġabhom?

Marta kellha ħsieb ieħor f’moħħha. Bdiet tiftakar il-ħajja iktar sempliċi u kuntenta li kellha ma’ Nazju. Imma Nazju ma kienx għadu kif tafu hi. Kien għadu jħobbha, u kien ħafrilha kollox, però kien għadda minn breakdown qawwi, u ma kienx f’pożizzjoni li jerġa jpoġġihom fit-triq it-tajba. Wieħed mill-ħbieb ta’ Żeppi, li ma kienx raġel ħażin, imma lanqas ma kien xi bastun sod li tista’ torbot fuqu, tħassarha lil Marta, u ra li fl-aħħar kellu l-okkażjoni li jakkwista, allavolja kienet saret biss dell ta’ dak li kienet qabel.

Daħal f’ħajjithom u beda jipprova jsib tarf tat-tgerfix kollu li sab li kellhom, imma ma tantx għamel suċċess. Il-ħsara kienet saret, u Marta kienet ittimbrata, u wliedha kienu mlaqqma bħala ‘tal-qaħba’. Jagħmel x’jagħmel, it-tebgħa hemm baqgħet, u peress li Żeppi kien ħabib tiegħu, u kien gawda miegħu fil-passat, qatt ma sab il-kuraġġ li jgħidha ċara u tonda li kien huwa li ġabhom f’hiex ġabhom lil Marta u lil uliedha.

Anki huwa kien dera jfakkarhom kemm tahom xorti sbieħ Żeppi, u li kien Nazju li avvelihom ma’ kulħadd, filwaqt li inkiss inkiss kien qed jipprova jsewwi l-ħsara, mingħajr il-kuraġġ li jaċċetta l-ħażin kollu u min għamlu, ħalli forsi jkun jista’ jibda jsewwieh.

Meta ġew tas-servizzi soċjali biex jeħdulha t-tfal għax kienu saru xi rapporti mill-ġirien li kien hemm tfal taħt l-età li kienu qed jgħixu taħt saqaf ta’ dar tal-prostituzzjoni, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt kemm sar tgħajjir u kliem iebes fil-konfront ta’ Nazju.

“Kollu t-tort tiegħu, ja aħdar li hu,” ipprova jikkonvinċi lit-tfal il-ħabib ta’ Żeppi, li kien daħal fiż-żarbun tiegħu. “Dak jobgħodkom lilkom.”

U t-tfal ma qalu xejn iktar. Beda dieħel id-dubju dwar kemm kien it-tort ta’ Nazju, li dejjem mexa magħhom ta’ missier tajjeb.

Kif ħarġu mid-dar biex jittieħdu ġo familja foster, taw l-aħħar daqqa t’għajn f’kamarthom. Il-mowbajl li xi darba kien l-aħħar mudell, imma issa kien ilu li ħarġu oħrajn iktar moderni, kien għadu hemm. Il-ħwejjeġ iffirmati, li issa qdiemu u sfaru, ukoll hemm baqgħu.

Il-prezz li kien tħallas għal dawn il-ħmerijiet li ma jfissru xejn ħlief lellux għal għajn in-nies kien għoli wisq. It-tfal fl-aħħar kienu fehmu x’kienu tilfu meta għamew wara dawn il-loqom, u remew is-serjetà, id-dixxiplina u fuq kollox l-imħabba li kellu Nazju għalihom, allavolja ma kienx jipprova jixtri imħabba lura mingħandhom permezz ta’ oġġetti bi prezz għoli, iżda bla valur.

It-tifel daħal jiġri fil-kamra, qabad il-mowbajl f’idu, sabbtu mal-ħajt, infaqa’ jibki, u fl-aħħar beżaq dak li kien ilu mistur ġo fih, “Kollu t-tort ta’ Żeppi u sħabu. Warrabna lil missierna, u ħsibna li ser ingawdu, imma fil-fatt batejna.” Kif qal dal-kliem, tbikkem u telaq il-barra ma’ dik tas-servizzi soċjali.

Marta, tibki u tħabbat fuq wiċċha, rathom sejrin, u  bdiet tixtieq li setgħet treġġa l-arloġġ lura, għax fl-aħħar għajnejha kienu nfetħu beraħ.

Kien tard wisq? Min jaf. Iż-żmien isajjar il-bajtar, u jekk tibda tagħmel l-affarijiet sew, forsi tkun tista; tirkupra ħajja diċenti qrib ta’ dik li kellha qabel.

L-ewwel pass kien sar. Kienet waqfet tipprova twaħħal f’Nazju. Kienet aċċettat li kien żball tagħha li fdat lil Żeppi, però dan ma kienx ifisser li kien tort tagħha l-inqas. It-tort kien ta’ min kien abbuża mill-fiduċja tagħha. Kien Żeppi li tefagħha fil-ħofra tal-qoħob, għal ftit xinxilli.

U la aċċettat dan, setgħat tipprova tibda tinġabar. Kien hemm bżonn rieda qawwija, ħafna xogħol u ħafna sagrifiċċji. Imma Marta kienet mara soda fl-aħħar mill-aħħar, u fl-istorja tal-familja tagħha, kien hemm ħafna tlajja u nżul.

Kien wasal iż-żmien li terġa tibda tielgħa.