Repubblika illum xandret dokument li fih sensiela ta’ proposti magħmulin bil-għan li tiġi miġġielda l-korruzzjoni waqt l-elezzjonijiet u, b’mod partikolari, kontra l-abbużi li jsiru minn kandidati li jkollhom is-setgħa ta’ ministru u mill-partit li jkun fil-gvern.
Fir-rapport tagħha, Repubblika saħqet li l-biċċa l-kbira tal-liġijiet mhux qed jiġu osservati. Fost dawn hemm liġijiet li jipprojbixxu t-tqassim ta’ ikel u xorb lill-votanti u wiegħdi ta’ rigali minn naħa tal-politiċi bi bdil mal-voti. Dawn ir-rigali jistgħu jieħdu l-forma ta’ impjiegi mal-gvern, permessi tal-bini jew wiegħdi oħrajn li normalment jitqiesu bħala “klijenteliżmu” u li m’humiex permess mil-liġi.
Repubblika pproponiet ukoll li jsir titjib fil-liġi li timponi limiti fuq abbużi li jistgħu jitwettqu mir-riżorsi tal-gvern għal skopijiet partiġġjani u sabiex issir għassa fuq l-andament tal-elezzjonijiet minn persuni li m’humiex impjegati mal-partiti politiċi jew minn kandidati iżda li jkunu lesti jservu lill-interess pubbliku bil-għan li jiġu żgurat li l-elezzjonijiet ikunu ħielsa mill-korruzzjoni.
Repubblika pproponiet ukoll it-tfassil ta’ liġijiet apposta li jżommu lil entitajiet pubbliċi milli jagħtu vantaġġ elettorali permezz tal-organizzazzjoni ta’ attivitajiet pubbliċi.
Repubblika pproponiet ukoll li għandu jkun hemm limiti fuq dak li jkollu dritt jagħmel gvern transitorju. Fost dawn hemm limiti fuq tħabbir ta’ politika ewlenija, ħatriet mhux essenzjali ma’ entitajiet pubbliċi, promozzjonijiet fis-servizz ċivili, akkomodazzjoni soċjali, ħruġ ta’ permessi mgħaġġla dwar żvilupp, tqassim ta’ art pubblika jew it-tfassil ta’ repolamenti ta’ ċertu sinjifikat.
Ir-rapport sħiħ bl-Ingliż u bil-Malti jista’ jitniżżel minn hawn.