Ma tistax ma tħossx sens ta’ mistħija u tkun trid l-art tibilgħek int u taqra l-artiklu li ħarbex illum il-Ministru tal-Ġustizzja fit-Times of Malta. Huma u jaqrawh, tal-Kummissjoni ta’ Venezja nistħajjilhom iżommu żaqqhom mgħoxijin bid-daħk.
Buffu u baħnan tabilħaqq.
Diġa’ kont ktibt dwar ir-raġunijiet il-għala jidhirli li Edward Zammit Lewis m’għandux raġun. U ġaladarba Edward Zammit Lewis ma jridx jammetti li żelaq waħda nobis, mhux bi ħsiebni noqgħod nirrepeti ruħi.
Insemmi biss l-argument vojt li ġab fis-sens li hu ried li jkollu proposti konkreti dwar il-mod kif għandhom jiġu kkastigati b’mod proporzjonat dawk li jaħslu l-flus maħmuġin u dawk li jkunu mdaħħlin fil-kriminalità finanzjarja.
Għaldaqstant ser nerġa’ nsemmilu l-proposti li s’issa għadu jirrifjuta li jikkunsidra.
L-aġenziji tal-infurzar għandhom jingħataw l-għodda meħtieġa biex ikunu jistgħu jifhmu, jikxfu u jħarrku lil dawk li jkunu mdaħħlin fil-kriminalità finanzjarja.
Dawk li jkunu mdaħħalin f’dawn ir-reati kriminali għandhom jinġiebu quddiem il-qorti. Il-prosekuturi, l-maġistrati u l-imħallfin għandhom jingħataw it-taħriġ meħtieġ biex ikunu f’pożizzjoni aħjar li jiġġuduikaw lil dawk li jinġiebu quddiemhom mixlijin b’dawn ir-reati. X’aktarx li jkun jeħtieġ li jinħatru prosekuturi u mħallfin speċjalizzati. X’aktarx ukoll li dawn ikunu jistgħu jitħallsu mill-multi li jingħataw u li jinġabru.
Ikun jeħtieġ ukoll li tiġi applikata l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Dawk li jkunu mixlija għandu jkollhom drittijiethom imħarsin u għandhom jingħataw smiegħ xieraq minn qorti indipendenti. U kemm il-darba it-twettiq tar-reat jiġi pruvat, għandhom jingħataw il-piena li tkun tistħoqqilhom.
Ma tridx wisq biex tapplika dak li titlob il-Kostituzzjoni.
Iżda jidher li l-gvern m’għandu ebda ħerqa li japplikaha. U din hi r-raġuni l-għala s-smiegħ ta’ kawżi dwar reati ta’ kriminalità finanzjarja, l-gvern qed jipprova jneħħihom minn quddiem il-qrati. Il-gvern irid jagħmel dan biex ikollu kontroll sħiħ fuq l-għażla dwar min għandu jiġi investigat u min le, dwar minn għandu jitħarrek u min le u dwar min għandu jingħata piena u min le.
U dan huwa appuntu dak li tipprojbixxi l-Kostituzzjoni.
U din hi appuntu r-raġuni l-għala b’saħħa jridu jemendaw il-Kostituzzjoni.
U din hi appuntu r-raġuni l-għala, bir-raġun, l-Oppożizzjoni m’hix lesta li tikkopera.