Norma Saliba u Quinton Scerri ippruvaw – mingħajr ma rnexxielhom – li jiskużaw lilhom infushom wara li tat-TVM xandru programm dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabs u wara li saru lmenti mal-Awtorità tax-Xandir. L-Awtorità tax-Xandir tat ordni lil tal-PBS biex ixandru filmat li jwassal is-“sitwazzjoni reali” li “tirrispetta l-intelliġenza tan-nies”. Dan ma jistax ħlief ifisser li dak li xandru tat-TVM ma wassalx ir-realtà u wera’ nuqqas ta’ rispett lejn l-intelliġenza tan-nies.
Meta stazzjon televiżiv – f’dan il-każ l-istazzjon nazzjonali – iwassal realtà falza u gideb lill-udjenza tiegħu dwar kwistjoni li din l-udjenza ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika f’kwistjoni ta’ interess pubbliku, ikun qed jonqos minn dmir ewlieni u bażiku. U dawk li jxandru dan il-qerq għandhom jitkeċċew.
Xandira ta’ rapport dwar il-ħabs minn stazzjon televiżiv m’hix l-istess bħal rapport dwar il-kwalità tal-ikel f’ristorant. L-etika titlob li xandar m’għandu qatt igħid li l-ikel li r-ritorant iservi huwa tajjeb meta fil-fatt ir-realtà hi li l-ikel huwa ħażin. Din l-etika xi drabi titwarrab minħabba r-reklamar. Ir-ristorant li jservi ikel ħażin iħallas lix-xandar biex igħid li l-ikel huwa bnin u x-xandar jigdeb u jgħidulna li l-ikel huwa tal-itjeb kwalità.
Dan m’huwiex sewaa. Iżda jekk tisma’ minn dak li jkun qal ix-xandar, tmur tiekol f’dan ir-ristorant u tintebaħ li daħku bik, ibqgħu ċerti li minn dakinhar ‘il quddiem ix-xandar ma jibqax jitwemmen.
Dari fuq it-televiżjoni kienu jixxandru programmi dwar films li kienu ser jixxandru u d-distributuri tal-films kif ukoll is-sidien tas-swali taċ-ċinema kienu jħallsu għar-riklami li kienu jixxandru fl-istess programm. U, m’għandniex xi ngħidu, dawn xejn ma kienu jieħdu pjaċir kull meta l-kritiku tal-films residenti tal-programm kien jidhirlu li l-films li kienu ser jintwerew tul dil il-ġimgħa ma kienu jgħidu xejn. Min iħallas għar-riklami jistenna’ t-tifħir biex ikun jista’ jattira udjenzi dejjem akbar lejn is-swali.
Fil-każ tal-programm “Popolin” ta’ Quinton Scerri, huwa l-gvern jħallas għar-riklami. Dan il-programm ma sarx biex iħajjer lin-nies iżuru l-ħabs iżda mill-mod kif fasslu l-programm dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabs għal ftit ma ridux ipinġuh bħala xi post li għandek tkun mejjet biex tmur tgħix fih.
X’ippretenda li ser jirbaħ il-gvern bis-saħħa ta’ dan il-programm? Il-gvern ried ibellgħalna l-gidba li fil-ħabs il-ħabsin huma ttrattati tajjeb u għaldaqstant m’għandniex għelfejn noqgħodu nħabblu rasna dwar is-suwiċidji, dwar ir-rapporti persistenti ta’ vjolenza psikoloġika u dwar it-tmexxija proto-faxxista tad-direttur tal-ħabs.
Dawn iridu jbellgħu gidba li n-nies m’humiex f’pożizzjoni li jivverifikawha.
F’dan il-każ, il-ħabsin ma setgħux jilmentaw dwar il-programm li xxandar fuq TVM dwar il-kundizzjonijiet tal-ħabs. U kellhom ikunu persuni li għandhom kuxjenza bħalma huma Andrew Azzopardi u Peppi Azzopardi li ħadu l-passi u talbu rimedju mill-Awtorità tax-Xandir. L-inkwiet ta’ dawn kien fis-sens li l-gideb tat-TVM jirrendu l-ħajjet il-ħabsin inqas tollerabbli u jqiegħduhom f’periklu kbir għaliex l-attenzjoni tan-nies imbagħad tiġi aljenata mill-buffunati ta’ Alex Dalli u mill-attitudni negattiva ta’ Byron Camilleri.
Jien għamilt kawża fil-qorti kontra l-gvern sabiex nitħalla nżur il-ħabs u l-faċilitajiet tad-detenzjoni u dan sabiex inkun f’pożizzjoni li nfassal rapport li jirrifletti s-“sitwazzjoni reali” li ma jkunx dak li jrid ibellgħalek il-gvern. Din mhix kwistjoni ta’ “dritt” tiegħi bħala ġurnalist. Hi kwistjoni dwar id-dritt tiegħek li ssir taf f’hiex tikkonsisti r-realtà. U huwa ttamat li, kemm il-darba ssir taf b’azzjonijiet ta’ brutalità fil-ħabs, ser iġġib ruħek b’mod – permezz tal-protesti jew permezz tal-vot – li jagħmilha ċara li din il-brutalita mhix aċċettabbli u li jeħtieġ li tieqaf.
Lili m’humiex jippermettuli li nfassal rapport dwar is-“sitwazzjoni reali” fil-ħabs. Lili x’jambuni meta fit-TVM għandhom lil Norma Saliba u lil Quinton Scerri?
U ġaladarba ma jaħsbuhiex darbtejn li jigdbulek dwar il-ħabs, ibqgħu ċerti li m’hux ser jaħsbuha darbtejn li jigdbulek dwar affarijiet oħra.
Isa, komplu sewgu l-Pravda TV. Fil-Pravda TV tabilħaqq aħna l-aqwa fid-dinja.