Fis-6pm l-lejla, l-President ta’ Repubblika Robert Aquilina ser jindirizza lill-ġurnalisti. Lill-membri parlamentari miġburin fil-bini ta’ warajh ser iwissihom li issa għadda biżżejjed żmien biex il-pajjiż jibda’ jaħseb biex jieħu passi kontra dawk fosthom li jippretendu li ma jista’ għalihom ħadd, li jistgħux jintmessu u li qed igħadduha lixxa għar-reati li wettqu.

Nieħdu lil Rosianne Cutajar.

Xi xhur ilu din warrbet mill-kabinett tal-gvern minħabba rapporti li xxandru fil-ġurnali li hi kienet daħħlet kemxa ġmielha flus minn senserija fuq bejgħ ta’ proprjetà lil Yorgen Fenech, il-persuna li tinsab mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Minn dakinhar ‘l hawn, il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika kiteb rapport li fih irrakkomanda li Cutajar għandha tiġi investigata mill-awtoritajiet tat-taxxa. Ix-xhieda li Cutajar tat quddiemu, huwa ma emminhiex u kkonkluda li din kienet kisret l-etika.

Illum il-prim ministru kkonferma li Rosianne Cutajar ser tibqa’ barra mill-kabinett.

Iżda l-kwistjoni ma tistax tieqaf hawn. Din għadha membru parlamentari Laburista u l-Partit Laburista m’għamel xejn biex iġiegħlha twarrab u jżommha milli terġa’ tikkontesta l-elezzjoni li ġejja bħala kandidata f’ismu. Filwaqt li din għadha qed tgawdi l-protezzjoni – u dan biex ma nsemmix l-arroganza u l-pretensjonijiet li għandha – ma nistgħu qatt nittamaw li ser issir il-ġustizzja magħha bħalma ssir li kieku xi ħadd kwalunkwe jinqabad jiskarta mill-ħlas tat-taxxa. U dan biex ma nsemmix il-fatt li, bħala membru parlamentari, din kienet ħatja ta’ ksur ta’ fiduċja dakinhar li vvutat fil-Parlament ta’ Malta u dakinhar li tkellmet u vvutat fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fl-interess (mhux dikjarat) ta’ Yorgen Fenech li – biex ma nsemmix affarijiet oħra – kien ħallasha €9,000 fi flus kontanti bħala rigal f’għeluq sninha.

Qed ngħixu f’pajjiż li fih il-prim ministru dan kollu jittollerah. Dan l-aġir tal-prim ministru aħna m’għandniex nittollerawh. Lanqas m’għandna nittolleraw il-fatt li l-prim ministru żamm lil Carmelo Abela fil-kabinett fl-istess waqt li kriminali gwappi u magħrufin qed jixluh li kien għenhom biex iseħħ attentat ta’ serq armat fil-bank fejn kien jaħdem.

U li wkoll żamm lill-aktar wieħed li, mid-dehra, ma jistax jintmess – jiġifieri Konrad Mizzi –  li ilu minn Frar 2016 – jiġifieri aktar minn 5 snin – li nkixef dwar l-iskandlu tal-Panama u li, wara li reġa’ tela’ fil-Parlament, il-Pulizija baqgħu ma missewħx. L-impunità li qed igawdu dawn il-kriminali politiċi qed tgħarraq lill-pajjiż taħt l-ilma. Dawk li għandhom għajnejhom imgħammdin u li jsegwu biss il-One TV ma jaraw ebda rabta diretta bejn in-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa ta’ Robert Abela dwar Carmelo Abela, dwar Konrad Mizzi u dwar Rosianne Cutajar u l-grey-listing minn naħa tal-FATF.

U għall-informazzjoni ta’ Simon Mercieca, li ma jsibhiex bi tqila li jibla’ kulma jbellgħulu, s-suġġett tal-konferenza stampa tal-lum ma ġiex miftiehem bejn Repubblika u l-uffiċċju ta’ Bernard Grech jew ma’ Bernard Grech innifsu. B’differenza għal Simon Mercieca, aħna ma nirċievu struzzjonijiet mingħand ħadd. Iżda nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzjah tar-riklam li għamlilna.

Għaldaqstant kemm jekk qed taqra’ din il-kitba jew smajt mingħand dak l-imbierek ta’ Simon Mercieca, jekk il-lejla fis-6pm tkun qrib il-bini tal-Parlament, inħeġġek tmur biex tisma’ x’ser igħidilna Robert Aquilina.