Titħabbarx formalment jew le fis-sigħat li ġejjin, l-elezzjoni ġenerali tinsab wara l-bieb. L-ewwel nett, wasalna. Ma jistax jingħad li tkun elezzjoni “bikrija” jekk issir 6 xhur qabel żmienha. It-tieni, l-partit fil-gvern issa ilu żmien twil imexxi l-kampanja tiegħu bl-istess ħeġġa li wera fl-elezzjonijiet tal-2013 u tal-2017. Dawn l-elezzjonijiet kienu ġġilduhom bħallikieku kienu minn taħt fis-sondaġġi u bħallikieku kienu f’xi stat ta’ paniku għax kienu beżgħana li setgħu jitilfu t-tron tas-setgħa. B’mod pervers, kienu fl-istess ħin ċerti li ser jirbħu u beżgħanin minn xi telfa katastrofika.

Iż-żmien li fih ikun wasal biex jagħlaq iċ-ċens tal-gvern huwa żmien li fih wieħed iħares lura. U l-propagandisti tal-gvern ta’ spiss isemmu li dan it-tieni gvern tal-Labour li wasal biex jintemm huwa wieħed storiku. Dawn għandhom ħabta li jsemmu żminijietna anke wara li nkunu ndfinna taħt it-trab.

Huwa tassew inkredibbli l-mod kif il-Partit Laburista kien laqqam il-pakkett ta’ wegħdiet li kien għamel għal din it-tieni leġiżlatura bħala ‘l-aqwa żmien’. Għaliex kien żmien li tista’ tgħidlu kollox ħlief li kien “l-aqwa”. L-iskandli tal-korruzzjoni li nkixfu waqt il-kampanja elettorali tal-2017 għadhom jimirħu fil-wiċċ fl-2021. U għalkemm l-uċuħ tal-kampanja elettorali tal-2017 – jiġifieri Joseph Muscat, Chris Cardona, Konrad Mizzi, Keith Schembri – llum ma jidhrux, xorta waħda għadhom hemm. L-imġiba u d-deċiżjonijiet tal-gvern qed ikomplu jiġu influwenzati u kundizzjonati mill-interessi ta’ dawn l-erbgħa min-nies.  Il-protezzjoni u l-impunità  tagħhom baqgħet priorità daqs kemm kienet priorità fl-2017.

Matul din it-tieni leġislatura tal-Labour, ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia u r-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’għajnejn id-dinja marret il-baħar. Fl-2017 partitarji Laburisti kienu ċċelebraw ir-rebħa fuq l-għatba tal-Pilatus Bank. Fl-2021 dan il-bank huwa magħluq u jinsab mixli li ħasel flus maħmuġin. Sid il-bank, li kien ġie misjub ħati ta’ frodi bankarja minn ġurija Amerikana u mbagħad ftit wara nħeles bis-saħħa ta’ teknikalità, issa jrid jivvendika ruħu. Malta għadha tbigħ il-passaporti. Iżda għalkemm fl-2017 il-gvern seta’ jgħid li kellu l-barka tal-Unjoni Ewropea, ittieħdet azzjoni legali fl-Ewropa biex din l-iskema titwaqqaf ħesrem.

L-Electrogas għadha f’idejn is-sidien li gawdew sewwa minnha. Dawn jgħidu li ma kinux jafu bl-intriċċi li Yorgen Fenech kellu ma’ Keith Schembri u ma’ Konrad Mizzi. Fl-2017, Konrad Mizzi kien irregalahom bil-power station. Fl-2021 din il-power station iqisuha bħala saħta.

Tliet sptarijiet pubbliċi għadhom sal-lum f’idejn sidien privati. Mill-elezzjoni tal-2017 ‘l hawn, bidlu l-idejn. Is-sidien il-ġodda baqgħu hawn għaliex il-gvern aċċetta li jibqa’ jħallashom biex jevita l-konsegwenzi tat-tluq tagħhom minn Malta. F’5 snin il-kwalità tas-servizz bilkemm tjiebet iżda l-ispejjeż komplew jiżdiedu b’mod stratosferiku.

Dawn l-ispejjeż ħallew l-effett tagħhom fuq il-finanzi tal-pajjiż li l-gvern tgħidx kemm kien jiftaħar bihom. Kull theddida tippreżenta opportunità. L-imxijja tal-Covid tat lill-gvern skuża biex iżid id-doża tal-populiżmu hu u jberbaq u jaħli hemm jiflaħ u jonfoq minn flus il-poplu biex jixtri il-voti. B’riħet l-imxija, tawha għall-ħela.

Dan kien il-famuż ‘l-aqwa żmien’. Il-gvern issa qed iwiegħed li l-ħames snin li ġejjin ser ikunu aqwa mill-aqwa. Fid-diskors tal-baġit għamel ruxxmata ta’ wegħdi elettorali li huma msejsa fuq tbassira kunfidenti ġmielha li l-ekonomija Maltija ser tirpilja, li ser ninħarġu malajr mil-Lista l-Griża u li nkunu nistgħu nibnu l-futur fuq is-sisien ta’ ottimiżmu bla qies.

Ilbieraħ l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kompliet iżżid id-doża tal-ottimiżmu insensat u wieġbet għal dak li ppropona l-gvern bil-proposti tagħha.

Fehmet li biex tirbaħ lill-populisti, tkun trid twiegħed aktar minnhom bħallikieku l-isfida tal-Lista l-Griża nistgħu inxejnuha f’ħakka t’għajn. Ipproponiet li taqdef kontra x-xejra dinjija u wiegħdet li ġġib hawn lill-Amazon, lill-Facebook u lill-Google – entitajiet li lkoll qed jimminaw lid-demokrazija – billi tħajjarhom jitilqu mill-pajjiżi fejn qed iħallsu t-taxxi.

U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, ilbieraħ il-PN wiegħed li jdaħħal sistema ta’ taxxa rigressiva biex in-nies tħallas inqas taxxa. Il-kwistjoni tibqa’: l-ispiża pubblika kif ser tiġi effettwata? Il-qofol huwa msejjes fuq l-idea li nibqgħu nħajru lil min jevadi t-taxxi biex idaħħal siequ f’pajjiżna. Din is-sistema kienet ħadmet fl-imgħoddi. Iżda ser tibqa’ taħdem fiż-żminijiet li ġejjin? X’aktarx li le għaliex id-dinja nbidlet u aħna bqajna b’rasna fir-ramel.

Il-bużillis jinsab fil-fatt li l-mexxejja taż-żewġ partiti li ser itellqu fl-elezzjoni ġenerali li ġejja jafu ben tajjeb li l-ħames snin li ġejjin ser ikunu fost l-aktar iebsin fl-istorja ta’ pajjiżna. Biex pajjiżna jerġa’ jibda jistagħna, jeħtieġ li nagħmlu tindifa ġenerali. Jeħteġ li nħejju ruħna għal tibdiliet iebsin u għal għażliet serji.

Fit-teorija, wegħdi dwar il-miġja ta’ żminijiet iebsa ma jrebbħux elezzjonijiet. Ħadd ma jiġi jgħidilna li biex naqilgħu aktar ikun jeħtieġ li nonfqu aktar. Ħadd ma jiġi jgħidilna li ż-żmien li t-tfal għandhom iqattgħu fl-iskola għandu jitwal, li n-negozjanti jeħtieġ isibu għodda ġodda biex ikunu aktar kompettitivi u li ma nistgħux nibqgħu nagħtu l-kenn li minn jaħrab mill-ħlas tat-taxxi. L-aħbarijiet ħżiena ma jrebbħux elezzjonijiet.

Dan kollu nafuh u inutli li noqogħdu nilludu ruħna. M’għandniex għaliex noqogħdu niskantaw li qed naslu biex nivvutaw għal min huwa inqas ħażin u anqas korrott minflok nagħżlu partit li għandlu l-aqwa ideat.

Filwaqt li l-partiti politiċi qed jikkompetu bejniethom, il-ministri tal-gvern (illum hemm numru mdaqqas minnhom) qed iwiegħdu l-ġenna fl-art waqt iż-żjarat li qed jagħmlu lill-votanti. M’għandniex xi ngħidu, ħadd minnhom ma jsemmi lil Ali Sadr jew lil Konrad Mizzi.

Ser ikun il-permess, l-impjieg u l-kuntratt li ser iġiegħel lin-nies tiddeċiedi kemm ser ikunu aqwa mill-aqwa żmien il-5 snin li ġejjin.