Dalgħodu qgħadt inħabbel moħħi biex insib il-kliem li huwa adattat biex titfakkar ir-raba’ sena minn dak il-jum iswed li fih inqatlet Daphne. Moħħi beda’ jberren dwar ideat li kont għadni ma ħsibtx dwarhom u dwar dak li, f’dawn l-aħħar erba’ snin, għadu ma ngħadx. Moħħi berren ukoll dwar kliem li għadhom ma tlissnux u dwar toroq ġodda li għadhom ma tterqux. Aħna u nħossu x-xokk, ir-rabja, il-biża’ u d-determinazzjoni, jien fittixt paġna ġdida fi ktieb li nkiteb f’jum wieħed erba’ snin ilu.
Ħassejt il-frustrazzjoni taħkimni jien u nintebaħ li ma stajt insib xejn li ma kienx diġà ngħad qabel. Bżajt li kont ser nirrepeti ruħi u li l-udjenza kienet ser titlef l-interess hi u tisma’ stejjer li kienet diġà ilha li semgħathom.
Iżda mbagħad ilmaħt din it-tpinġija ta’ Seb Tanti Burlò.
U ftakart li aħna m’aħniex hawn biex nipprovdu d-divertiment li jkun jeħtieġ li jiġġedded qabel xi mgħallem jiddeċiedi li jwaqqaf kollox u jivvinta xi ħaġ’oħra. Xogħolna hu dak li ndawlu l-imħuħ biex dejjem nirbħu kontra d-dlam.
M’għandna għalfejn noqogħdu nivvintaw xejn. Is-sewwa u r-raġuni ma jridux forza. Il-karba favur il-ġustizzja jew tinstema’ jew inkella tkun waħda siekta.
Din it-tpinġija titkellem weħidha. Jekk noqogħdu b’idejna fuq żaqqna, inkunu qed nistiednu lill-ħakma tad-dlamijiet biex tidħol flokna. Id-dlam huwa n-nuqqas ta’ dawl. Jekk ma nibqgħux nirreżistu, nerġgħu ninħakmu mid-dlam. Id-dlam mhuwa xejn u għaldaqstant ma jista’ jinqered qatt. Ninħakmu mid-dlam kemm-il darba ma nibqgħux nuru ħeġġa.
Daphne Caruana Galizia għexet u mietet, hi u tissielet kontra d-dlam. Xogħolna hu li niftakru u li nfakkru. Dan mhuwiex xi divertiment. M’aħniex nistennew lil min joqgħod iċapċpilna. M’aħniex hawn biex noqogħdu npaqpqu l-ħornijiet tal-karrozzi tagħna fix-xatt ta’ Tas-Sliema aħna u niċċelebraw xi rebħa.
Nafu biss li l-ħeġġa u d-determinazzjoni tagħna jeqirdu lid-dlam. U sakemm inkunu hawn, id-dlam ma jista’ qatt jaħkem fuqna.
Għal Daphne. Għalina.