Il-fatt li Yorgen Fenech ilu arrestat għal kważi sentejn u mistenni li jgħaddi ġuri fejn jista’ jeħel għomru l-ħabs bis-saħħa tal-fatt li l-prosekuzzjoni għandha biżibilju ta’ provi li juru li huwa kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma jfissirx li l-ġustizzja tinsab wara l-bieb.

Malta kellha ġuri ieħor simili dwar attentat ta’ qtil li forsi jista’ jiġi paragunat miegħu. B’xorti tajba, l-attentat fil-każ l-ieħor ma kienx irnexxa u l-vittma għex u seta’ jixhed kontra dawk li ppruvaw joqtluh. Dak kien l-attentat fuq ħajjet Richard Cachia Caruana li dak iż-żmien kien l-assistent personali tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami.

Dak il-proċess kien ġie mniġġes bis-saħħa ta’ kampanja qarrieqa mmexxija mill-Kap tal-Oppożizzjoni (u mexxej tal-Partit Laburista) ta’ dak iż-żmien Alfred Sant li kien għamel użu sħiħ mill-għodda kollha li kellu l-Partit Laburista għad-dispożizzjoni tiegħu: jiġifieri s-Super One. Dak iż-żmien ma kellux it-trolls tal-Facebook li għandu llum.

Fil-qorti, Anġlu Farrugia kien l-avukat ta’ wieħed mill-assassini Ian Farrugia, li mbagħad inħeles minkejja l-fatt li fuq il-karozza li fuqha nżammet il-vittma hu u jaqla’ d-daqqiet b’sikkina, nstabu l-marki tas-swaba’ tiegħu. Manuel Mallia kien assista lil Meinrad Calleja, li mbagħad nħeles mill-akkuża ta’ kompliċità u dan minkejja l-fatt li x-xhud tal-prosekuzzjoni, li kien ammetta li ta bis-sikkina, xehed li kien l-akkużat li qabbdu biex iwettaq id-delitt.

Yorgen Fenech irid li sseħħ l-istess ħaġa u jinħeles mill-akkużi li hemm kontrih.

Li kieku l-każ tiegħu jitqies għal dak li hu – jiġifieri l-qtil ta’ ġurnalista sforz ir-regħba u l-ħarsien ta’ profitti illeċti u korrotti – id-deċiżjoni tal-ġurija għandha tkun imsejsa fuq il-provi li hemm kontrih.

Iżda jekk il-każ jitqies bħala taħlita partiġġjana ta’ motivazzjonijiet moħbijin, il-każ jaf jieħu xejra differenti.

Huwa appuntu għalhekk li Simon Mercieca b’mod regolari jikteb dwar il-prosekutur tal-każ kontra Yorgen Fenech, dwar l-investigatur ewlieni tal-pulizija, dwar il-maġistrat li qed jisma’ l-provi, dwar il-ġurnalisti li qed isegwu l-każ, dwar il-familja ta’ Daphne u dwar l-avukati tagħhom. Jekk ikun hemm biżżejjed persuni li f’moħħhom jiddaħħal dubju dwar il-motivazzjonijiet tal-prosekuturi, tax-xhieda u tal-qraba tal-vittma, l-akkużat forsi ikun jista’ jqarreb il-boċċa lejn il-likk u jinħeles.

Din l-istrateġija fl-imgħoddi tat il-frott. Iċ-ċokon ta’ Malta jfisser li mhux faċli li ssib persuni li jservu bħala ġurati li ma jkunux effettwati mill-preġudizzji.

Ċertament mhux kulħadd għandu dawn il-preġudizzji, iżda bosta huma dawk li huma Laburisti jew Nazzjonalisti. Din il-karatteristika lokali hi waħda qawwija u diffiċli li tinbidel. Minn disa’ ġurati, tgħid ikun hemm 4, 5, 6 li regolarment isegwu l-One TV? Tgħid ikun hemm 1, 2, 3 Nazzjonalisti tal-lemin tax-xeħta ta’ Ċensu l-Iswed? Fi kliem ieħor, x’inhi l-probabbilità li maġġoranza ċkejkna ta’ ġuristi jkunu preġudikati kontra l-vittma għax m’għandhomx grazzja magħha aktar milli ma jkollhomx grazzja ma’ min allegatament ħallas biex din tinqatel?

Dan l-aħħar qrajt kumment ta’ xi ħadd li kiteb li t-telefonati foloz li qed isiru bħalissa x’aktarx qed iseħħu għaliex l-elezzjoni tinsab fil-qrib. B’dan il-kumment ried ifisser li l-vittmi tad-delitt, sforz il-motivazzjonijiet partiġġjani tagħhom, qed jippruvaw jattiraw l-attenzjoni. Din mhi xejn ħlief frott ta’ mentalità li twaħħal fil-vittma kull meta jinbet xi dubju.

Madankollu l-awtur ta’ din il-kitba seta’ kellu raġun iżda mhux għar-raġunijiet tiegħu. F’nofs kampanja elettorali, il-preġudizzji fl-imħuħ tan-nies ikomplu jsaħħu t-tribaliżmu li huwa mifrux ma’ Malta kollha. Bl-istess mod li raħal twelidek isir aktar importanti fil-jiem tal-festa, il-partiġġjaniżmu ma jħalliniex nirraġunaw aktar ma jiżdied id-deni tal-elezzjoni.

Bħalissa d-deni tal-elezzjoni qed jiżdied ġmielu. Huwa żmien adatt biex jiddaħħlu d-dubji, biex jiġu mobilizzati n-nies u biex wieħed jirkeb fuq il-karru tal-lealtajiet tribali u tal-preġudizzji.

Dan huwa l-aktar żmien adatt biex matulu jiddaħħlu ideat fl-imħuħ ta’ biżżejjed persuni, li mbagħad jintagħżlu bħala ġurati, li l-veru vittma huwa Yorgen Fenech. Dan huwa l-aktar żmien adatt biex il-ġurati lil Yorgen Fenech iqisuh bħala l-persuna li tgħabba bid-dnub ta’ ħaddieħor u dan għaliex l-investigaturi aktar moħħhom li jwaħħlu fih milli jwaħħlu f’dawk li huma “tassew” ħatja u wkoll għaliex jaqbel politikament għal xi Nazzjonalisti ndannati li jeħel hu ta’ kollox.

Fl-istess waqt qed jippreparaw biex jimminaw il-kwalità tal-provi li nġiebu kontra Yorgen Fenech. Aħsbu ftit f’dawk it-telefonati anonimi u fil-messaġġi li qed jintbagħtu. Mhux biss qed iħawdu l-imħuħ ta’ min qed jirċevihom. Qed iħawdu l-imħuħ tal-ġurati li għad iridu jservu.

Għal kull email jew messaġġ tal-WhatsApp li ttella’ mit-telefon ta’ Yorgen Fenech, x’aktarx li huwa ser jippreżenta emails foloz jew messaġġi tal-WhatsApp li dan l-aħħar ġew imbagħbsa bil-għan li jiskreditaw ġurnalisti u avukati li huma involuti f’dan il-każ.

Tul dawn l-aħħar ġranet, xi persuni rrappurtaw li rċevew telefonati bil-caller ID li jindika n-numru tal-kwartieri ġenerali tal-pulizija. U tista’ tbassar minn issa b’xiex x’aktarx ser joħorġu l-avukati ta’ Yorgen Fenech: jekk hawn min qed jagħmel telefonati foloz mill-kwartieri tal-pulizija, għaliex m’għandniex nemmnu li t-telefonati li suppost għamel Yorgen Fenech ma sarux apposta minn ħaddieħor biex jimplikawh f’reat?

Il-pulizija bħalissa qed tinvestiga l-kampanja ta’ telefonati b’numri foloz li permezz tagħhom hemm min qed ihedded lill-ġurnalisti biex “jieqfu jiktbu dwar Simon Mercieca, Alex Dalli u Yorgen Fenech”. Iżda jeħtieġ li nkunu realistiċi. Dawk li qed iwettqu dawn ir-reati jafu eżatt x’inhuma jagħmlu. Qed jagħmlu użu minn teknoloġija li ma tikxifx l-identità ta’ min qed jagħmel dawn it-telefonati.

Għaldaqstant m’għandi l-ebda prova dwar l-identità ta’ min huwa responsabbli għal dan kollu. Iżda li huwa ċar f’moħħi huwa l-fatt li din il-kampanja qed isservi l-interessi ta’ Yorgen Fenech fuq tliet livelli.

L-ewwel nett, qed tintimida lil dawk li qed jaħdmu fuq il-każ tiegħu u x’aktarx qed teffettwa l-ħila tagħhom li jkomplu jaħdmu jew li jieħdu aktar riskji huma u jiffaċċjaw bniedem sinjurun b’riżorsi enormi li għandu motivazzjoni qawwija li jagħmel kull ma jista’ biex jevita sentenza ta’ għomru l-ħabs u li hu diġà akkużat li qatel biex tgħaddi tiegħu.

It-tieni, qed teffettwa ħażin il-kredibbiltà ta’ dawk li qed jaħdmu fuq il-każ tiegħu. Biżżejjed wieħed isemmi kif dawn jiġu mminati kull darba li jixxandru aħbarijiet dwar kif dawn jinsabu fil-mira. Għaliex in-nies tabilħaqq ma trid xejn biex twaħħal fil-vittma.

It-tielet, dan kollu se jkun utli għal waqt il-proċess bil-għan li jiġu skreditati l-provi qawwijin li jeżistu kontra Yorgen Fenech, liema provi nġabru mit-telefon u mill-kompjuter tiegħu.

Ma nistax ngħid fiċ-ċert li Yorgen Fenech huwa l-moħħ wara din il-kampanja ta’ misinformazzjoni u intimidazzjoni. Iżda din il-kampanja ta’ misinformazzjoni u intimidazzjoni lil Yorgen Fenech qed isservih ta’ mitqlu deheb.

F’din it-tiġrija, l-barkun jidher li għadu fil-bogħod.