F’dawn l-aħħar ġranet tgħallimt affarijiet ġodda li messni kont nafhom. Iżda ma kontx nafhom u għaldaqstant jista’ jagħti l-każ li lanqas int li qed taqra’ ma taf bihom.
Temminx ‘l għajnejk meta l-mobile jindika li t-tali persuna minn fost il-kuntatti tiegħek tkun qed iċċempillek. Għaliex jista’ jċempillek xi ħadd li jagħmel tabirruħu li huwa persuna oħra.
Din tista’ tkun b’ċajta li ġġiegħlek tidħak, bħal xi ċajta tal-ewwel ta’ April fejn tkun mingħalik li qed iċempillek l-imgħallem tiegħek imma fil-fatt ikun xi wieħed mill-kollegi tiegħek.
Jew tista’ tkun ħaġa aktar serja. Pereżempju, din qatt ma bassart li setgħet tiġri. Tirċievi telefonata li tindika numru magħruf mill-Kwartier tal-Pulizija. Ma tistenniex li se tagħraf il-leħen ta’ min ikun qed ikellmek. Jgħidulek li qed iċemplulek il-pulizija. Il-mobile jindika li t-telefonata hi mingħand il-pulizija. Int tkun mingħalik li huma l-pulizija. Il-biċċa l-kbira tan-nies joqogħdu għal dak li jgħidulhom il-pulizija. U int x’aktarx ukoll tagħmel l-istess.
Ejja ngħidu li jitolbuk iċċaqlaq il-karozza tiegħek. Ħaġa bħal din il-pulizija ta’ sikwit jistaqsuk biex tagħmel. Imma din id-darba ma kinux il-pulizija li ċemplulek. Ikun xi ħadd ieħor li jkun iridek tillarga minn darek biex imbagħad jagħmlulek dak li jkollhom f’moħħom li jagħmlulek. Iżda int ma jkollok ebda ħjiel ta’ dan kollu.
Ħafna jiddependi fuq il-ħażen f’moħħ min ikun qed iċempel. Xalpa taf żżommlok widnejk sħan fil-ġranet tal-kesħa. Jekk tniżżilha fuq wiċċek, taf tagħti qatgħa lil uliedek b’ċajta. Iżda jekk ifettillek tagħmel l-istess ħaġa biex tisraq bank, għemilek isir reat serju.
Dan il-qerq bit-telefon qed joħloq il-konfużjoni fl-imħuħ ukoll. Tul dawn l-aħħar ġranet, bosta kienu dawk li rċevew telefonati anonimi. Meta jwieġbu, ta’ spiss jisimgħu nies oħra jpaċpċu bejniethom. Jekk tibqa’ fuq il-linja, tisma’ persuni jidentifikaw rwieħhom bħala uffiċjali tal-pulizija li jkunu qed jaħdmu billejl fl-għases.
Dawk li qed jirċievu dawn it-telefonati jinsabu mxebbgħin. Iċempel it-telefon u meta jwieġbu jqabbduhom ma’ xi ħadd li qatt ma kellu l-intenzjoni li jċemplilhom. “Ġej xi lejl ieħor,” tismagħhom jgħidu lil xulxin. “Saħħa ħabib. Għal darb’oħra”.
L-għases tal-pulizija ma jistgħux ma jwieġbux it-telefonati li jsirulhom anki jekk x’aktarx ikunu telefonati qarrieqa. Kull ftit minuti qed itellfuhom minn xogħolhom biex iwieġbu dawn it-telefonati fejn min jagħmlihom ma jitniffisx. Ma jitniffes xejn. U min tassew ikollu bżonn ikellem lill-pulizija mhux qed jirnexxilu jaqbad magħhom għaliex qed isir abbuż mis-software biex it-telefon jinżamm okkupat.
Din taf tkun kwistjoni serja. Telefonati qarrieqa saru lil infermiera fl-ITU tal-isptar. Issa jekk hemm linja li għandha tinżamm libera għal emerġenzi veri hija dik. Għax dawn it-telefonati mhumiex biss inkonvenjent. Huma tassew ta’ riskju kbir.
L-imħuħ imxajtna u l-immaġinazzjoni ta’ min moħħu biss biex iweġġa’ lil ħaddieħor bl-użu ta’ software li jaħbi l-identità tiegħu taf iġġib konsegwenzi serji. M’għandix dubji li għandek numri ta’ persuni fil-lista tal-kuntatti tiegħek li llum m’għadhomx magħna. Jekk int bħali, tibqa’ ma tħassarx isimhom mil-lista. Jew lanqas biss tiġik f’rasek tagħmel dan, jew ma jkollokx il-ħila li tħassarhom.
Hawn min jaħseb li tkun ċajta ħelwa meta tirċievi telefonata bl-isem ta’ maħbub mejjet fuq wiċċ il-mobile. Ikunu qed iweġġgħulek qalbek u jafu li ma tkunx tista tpattihielhom.
Waqt il-velja għal Daphne Caruana Galizia nhar is-Sibt, kien hemm min irċieva telefonati mingħand xi ħadd li għamel użu minn numru li kellha meta kienet għadha mimlija bil-għomor. Ftit minn dawn it-telefonati saru saħansitra lil membri tal-familja tagħha.
Il-pulizija qed tinvestiga dawn it-telefonati u qed jittamaw li jikxfu lil min għamilhom. Iżda din bħall-elmu tal-muturi. Issibhom kullimkien u ma tistax twaqqafhom sakemm tara lil xi ħadd liebes elmu dieħel f’bank.
Il-mobile sar parti integrali minn ħajjitna u nużawh biex inżommu kuntatt mal-kumplament tad-dinja. Iżda jidher li hawn min qed jikkonfoffa biex iqarraq bik. Qed jinħolqu websites foloz ta’ websites ta’ fiduċja tiegħek. Saħansitra ntbagħtu emails u messaġġi foloz taparsi ġejjin mingħand persuni ta’ fiduċja tiegħek. Issa qed jagħmlu użu minn ismijiet fil-lista tal-kuntatti tiegħek bil-għan li jħawdulek moħħok.
Jekk int s’issa għadek ma laqqatthiex, ibqgħu ċerti li qed jagħmluha lil xi ħadd ieħor.
Tajjeb li tkun taf x’qed jiġri madwarek.