L-ewwel lezzjoni li kienet għallmitni ommi kienet dik ta’ meta bagħtitni nixtilha l-butir u l-perżut mingħand il-ħanut tal-merċa ta’ faċċata. Kienet tgħidli biex, qabel naqsam it-triq, nittawwal sewwa lejn ix-xellug u lejn il-lemin tiegħi. U biex li min joffrili l-ħelu, ngħidlu “le grazzi”. Il-ħelu ma jsolvix il-problemi.
Rajna lil Rosianne Cutajar u lil Silvio Schembri, it-tnejn libsin pulit, jitbissmu u jinżlu kokka biex ikellmu lit-tfal innoċenti li ma jafux xi tfisser korruzzjoni tal-għemil u tal-ħsieb.
L-ilpup ireddnu. U l-politiċi jimirħu. wasal il-Halloween. pic.twitter.com/OwC1rfGXyz
— BugM (@bugdavem) October 31, 2021
Xi xhur ilu, Repubblika tkellmet dwar l-għoti tar-rigali mill-politiċi dakinhar li Rosianne Cutajar dehret tippoża f’ritratt hi u tqassam il-larinġ lill-anzjani. Dak iż-żmien, il-Puliizja kienet qalet li ma kien twettaq ebda reat kriminali u dan għaliex ix-xiri tal-voti permezz tal-għoti tar-rigali ma jistax iseħħ biss meta formalment tibda l-kampanja elettorali.
Kif Robert Abela pprova jispjega lbieraħ, il-kampanja elettorali għadha ma bdietx u għaldaqstant jeħtieġ li ngawdu l-btajjel. X’aktarx jixtieqna nemmnu li l-imġiba ta’ Rosianne Cutajar u ta’ Silvio Schembri fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kienet waħda sforz l-imħabba li għandhom għall-Halloween u li r-rigali li qassmu lit-tfal ma kellu ebda rabta mal-elezzjoni li ġejja. Tgħidli xejn!!
Tistgħu timmaġinaw dawn x’biħsiebhom jivvintaw hekk kif jasal il-Milied?
Issa jien nifhem li dawn jinsabu f’tellieqa bejniethom jikkaċċjaw għall-voti u nifhem li l-kompetizzjoni bejniethom ser tiżdied hekk kif il-prim ministru jsaffar is-suffara. Iżda ma nistax ma nsemmix id-disprezz li dawn għandhom lejn il-liġijiet u lejn il-proċess demokratiku. Għandu jimliena bl-istmerrija kull attentat biex jinxtraw il-voti tal-ommijiet billi jinqdew bit-tfal.
Jingħad li fid-distrett elettorali li fih kien jikkontesta Lorry Sant, martu Carmen, li wkoll kienet ikkontestat u ġiet eletta fil-Parlament fl-1987, kienet qassmet fid-djar tal-votanti biċċiet taċ-ċikkulata li dak iż-żmien ma setgħetx tiġi impurtata minħabba l-politika ta’ wara l-purtiera tal-ħadid tal-gvern Laburista.
‘Hawn biċċa ċikkulata Mars li ma ssibhiex fil-ħwienet. Ivvutali u nkun nista’ nagħtik aktar minnhom jew inkella ivvota għall-partit l-ieħor u tkun tista’ tixtrihom biss mill-ħwienet.’
Huwa minnu li fi tmiem il-ġimgħa Rosianne Cutajar u Silvio Schembri x’aktarx ma kinux qed iqassmu lit-tfal ħelu li ma ssibux fil-ħwienet. Iżda dawn xorta waħda jippretendu li ħaqqhom il-voti tan-nies aktar minn dawk il-kandidati li ma jqassmu xejn.
Din mhi xejn ħlief riflessjoni tal-kwalità fqira tal-kandidati tagħna, tal-ambigwità morali tagħhom u tal-fatt li dawn jaslu biex jagħtu lit-tfal affarijet li ma jagħtux lil uliedhom. Hi wkoll riflessjoni tan-nuqqas ta’ rispett li għandhom lejhom infushom. lejn il-metri politiċi tagħhom u lejn id-dinjità tal-professjoni tagħhom.
Hi riflessjoni wkoll fuqna l-votanti. Carmen Sant, warakollox, kienet ġiet eletta fl-1987. U Rosianne Cutajar u Silvio Schembri qed jistennew li jitilgħu fl-2022.
Issa ħa ngħaddilkom tofija għall-wens.