Il-qorti llum ċaħdet talba li Raphael Vassallo kien għamel kontra tiegħi dwar artiklu li jien kont xandart f’Ottubru tal-2019 li fih semmejt l-introduzzjoni ta’ liġijiet speċifiċi fl-Italja fis-snin 80 bil-għan li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-mafja.

Fl-artiklu kont irriferejt għall-kunċett ta’ omertà, li kont ktibt li jinkludi sitwazzjonijiet li fihom ġurnalisti jqarrqu bil-qarrejja tagħhom billi jippruvaw ibellgħulhom l-idea falza li l-mafja ma teżistix.

F’dan il-kuntest, kont għamilt riferenza għal artiklu ta’ Raphael Vassallo li xxandar mill-Malta Today fi Frar 2019 intitolat “Freedom of expression’ also means the freedom to talk out of your ass” li fih kien għamel kritika lill-attivisti favur il-libertà tal-kelma talli dawn stqarrew li minnu nnifsu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jfisser theddida għal-libertà tal-kelma. F’dan l-artiklu, Vassallo stqarr li “l-aktar attivisti fanatiċi” jagħtuk x’tifhem li l-Istat b’xi mod kellu x’jaqsam mal-qtil ta’ Daphne.

Raphael Vassallo ilmenta mal-qorti li fl-artiklu tiegħi jien akkużajtu li ħaġa waħda  mal-konġura li wasslet għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda l-Qorti tal-Maġistrati presjeduta minn Rachel Montebello llum iddeċidiet l-artiklu ma jwassalx għal din il-konklużjoni.

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Montebello qalet li l-artiklu tiegħi Long Read: 416 bis kien miżgħud b’fatti li jagħtu raġun lill-fehma tiegħi li l-omertà tista’ sseħħ meta wieħed jiċħad l-eżistenza ta’ konġura kriminali.

Il-qorti kkonkludiet li permezz tal-artiklu tiegħi jien kont għamilt studju dettaljat dwar il-ħsieb legali wara l-introduzzjoni tal-artiklu 416 bis fil-kodiċi kriminali Taljan u kif ukoll dwar l-inklużjoni tal-omertà bħala forma ta’ kompliċità. Il-qorti qalet ukoll li b’mod elokwneti jien spjegajt il-ħsieb wara l-iżvilupp tal-kunċett u inkludejt il-kliem u l-aġir li jqarrqu bil-pubbliku u jġiegħluh jemmen li organizzazzjoni kriminali msejħa l-mafja ma teżistix.

Il-Maġistrat Montebello qalet ukoll li l-qorti li ma tistax ma tinnutax li l-eżistenza tal-mafja ġiet ukoll rikonoxxuta mill-Bord tal-Inkjesta fil-rapport li xxandar xi xhur ilu.

Il-qorti ddefendiet ukoll id-dritt li wieħed jitkellem bil-libertà dwar materji li jkunu ta’ interess pubbliku kif ċertament huwa l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. “Hu ta’ importanza vitali għas-saltna tad-dritt u wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-espressjoni ħielsa.” Hi u tikkwota l-ġurisprudenza, l-Maġistrat għaddiet biex tispjega li “min jikkritika m’għandux għalfejn iżomm lura meta jikkundanna dak li ma jaqbilx miegħu… (iżda huwa) intitolat li jkun iebes fi kliemu għal raġunijiet ta’ kritika leġittima.”

Il-qorti ċaħdet it-talba ta’ Raphael Vassallo u ordnatlu jħallas l-ispejjeż tal-kawża.

Is-sentenza tista’ tiġi appellata.