Ftit sigħat wara li ħa l-ġurament dak li leħaq warajh, Joseph Muscat mar jiġri lura lejn Kastilja biex, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ dawk li kienu  s-sidien tat-tliet sptarijiet li darba kienu tagħna, jagħmel pressjoni fuq il-gvern Malti biex joħroġ aktar flus.

Għalkemm ma tantx għandna dettalji, jidher li se tgħaddi ta’ Joseph Muscat.

L-istorja ewlenija tas-Sunday Times of Malta tipprovdi dettalji ta’ ħlasijiet li rċieva Muscat minn kontijiet bankarji Svizzeri li fihom is-sidien tal-isptarijiet li darba kienu tagħna kienu qed jagħmlu depożiti biex setgħu jagħmlu ħlasijiet kbar lis-sidien ta’ qabel.

Is-sidien ta’ qabel huma l-kumpannija korrotta magħrufa bħala VGH li issa jinsabu jitlewmu pubblikament bejniethom u jikxfu l-għawwar ta’ xulxin. Id-dettalji kollha jinsabu fil-gazzetta u mhux ser noqgħod  nirrepetihom hawn.

Il-konklużjoni għandha tkun ċara. Il-ħadma tal-VGH qatt ma kienet intenzjonata li ttejjeb is-servizz tas-saħħa f’Malta. Mhux qed ngħid li fil-fatt ma kellhiex il-ħila li ttejjeb is-servizz. Il-fatt hu li sa dakinhar li tal-VGH ħarġu mix-xena, dawn kienu diġà għamlu profitti kbar li huma dokumentati u li wieħed ma jistax imerihom. Iżda l-affarijiet jafu jmorru żmerċ anki bl-intenzjonijiet tajbin.

Fil-ħadma VGH l-intenzjonijiet tajba kienu ineżistenti u ċertament ma kinux fil-pjanijiet ta’ Joseph Muscat. Il-kuntratt kien ingħata mill-gvern lil konsorzju sigriet li kien ġie mwiegħed lilu minn qabel ixxandret is-sejħa għall-offerti. U fi żmien sentejn, in-negozju falla sal-estremità li l-isptarijiet li darba kienu pubbliċi kellhom jingħataw bħala garanzija biex il-bank seta’ jħallas is-salarji. Hawnhekk qed nirreferi għas-salarji ta’ numru żgħir ta’ persuni u dan għaliex il-professjonisti mediċi kollha li ntirtu mis-servizz pubbliku baqgħu jitħallsu direttament mill-gvern.

Imbagħad bil-barka tal-gvern – barka li l-gvern ta’ bilfors kellu jagħtiha  għax inkella tal-VGH kien ikollhom jagħmlu tajjeb huma stess għall-ispiża tal-falliment tan-negozju tagħhom f’Malta – it-tliet sptarijiet inbiegħu lil sidien ġodda li, milli jidher, irnexxielhom jerdgħu aktar flus mill-kaxxa ta’ Malta hekk kif intebħu li kienu akkwistaw ħadma nobis.

Kulħadd ħareġ tellief, ħlief s’intendi tal-VGH li mill-ħadma għamlu profitti kbar.

Dan kollu konna ilna li xammejnih. U issa wkoll grazzi għax-xogħol ta’ Jacob Borg, nafuh ukoll b’ċertezza. Iżda Joseph Muscat li kellu l-wiċċ u l-ardir li jsemmi l-kunfidenzjalità professjonali bħala “service provider” u dan biex ma jweġibx għal mistoqsijiet dwar għexieren ta’ eluf li ġew depożitati fil-kont bankarju tiegħu ffatturati għal “konsulenzi” u dan ftit żmien wara li spiċċa minn prim ministru.

Tgħid qattiela professjonali li jkunu ġew imqabbda biex joqtlu lil xi ħadd issa ser jibdew jitħajru jsemmu l-kunfidenzjalità professjonali?

Il-gwaj hu li, grazzi għall-għerf ta’ Anġlu Farrugia, ftit li xejn jista’ jsir dwar dan f’livell politiku jew parlamentari. L-Ispeaker kien iddeċieda li  ġaladarba persuna ma tibqax membru tal-Parlament, għamel x’għamel, l-imġiba tiegħu ma tistax tiġi mgħarbla mill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Jeħtieġ niftakru li, għalkemm dak iż-żmien kien diġà spiċċa minn prim ministru, Joseph Muscat kien għadu membru parlamentari meta rċieva dawk il-ħlasijiet u għaldaqstant ir-regoli ta’ mġiba li jaqgħu taħt il-liġi tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika baqgħu jgħoddu għalih.

B’xorti tajba, l-kodiċi kriminali tfassal minn persuni li kienu jifhmu sewwa t-tifsira tal-loġika tal-intenzjoni kriminali aktar milli qatt jista’ jifhimha Anġlu Farrugia. Dan il-kodiċi jsemmi ċ-ċirkostanzi li fihom politiċi, għalkemm jaċċettaw li jixxaħħmu, jitolbu li l-ħlas iseħħ wara li jkunu warrbu mill-ħajja politika. Ir-reat innifsu mhuwiex affettwat mit-tibdil fl-istatus politiku jew uffiċjali ta’ min ikun wettaq ir-reat kriminali.

Tberbqu miljuni kbar fuq il-VGH. Minnu ma ħareġ xejn ta’ benefiċċju għall-pazjenti li jfittxu l-kura medika mis-servizz tas-saħħa. Joseph Muscat, li jgħid li m’għamel xejn ħażin u jinsisti li l-flus qalagħhom għall-“pariri” li kien ta lil tal-VGH wara li warrab minn prim ministru, daħħal għexieren ta’ eluf minn dawk il-miljuni mberbqin. Anki li kieku qala’ l-flus għax ħaslilhom il-karozzi tagħhom jew ittajpjalhom l-ittri legali, il-fatt jibqa’ li huwa sarraf ċekkijiet ġejjin minn flus misruqa mill-kaxxa ta’ Malta. Ħruġ ta’ flejjes li kien ordna huwa stess meta kien għadu prim ministru.

Ħadma bħal din taf tkun waħda elaborata, kumplikata, miktuba b’mod biex tidher leġittima, u mirduma taħt patafjun karti li saħansitra anki patri Benedittin f’monasteru medjevali ma jasalx biex jaqrahom. Iżda xorta waħda tibqa’ serq ta’ flus pubbliċi, maħsulin f’ċiklu ta’ pagamenti fażulli sakemm isibu ruħhom fil-kont bankarju ta’ Joseph Muscat.

Michelle Muscat għamlet makeover u rranġat id-dehra tagħha. Ċertament, xi mkien fuq Instagram, dan għandu jitqies bħala ġid pubbliku.