Dan l-aħħar, bil-għan li jipprova jilgħabha tal-innoċenti, Evarist Bartolo kiteb fuq Facebook li lkoll kemm aħna ninsabu fid-dmir niġġieldu kontra l-korruzzjoni. Ma kitibx li hu baqa’ ma ġġilidx kontra l-korruzzjoni kull meta seta’ jagħmel dan. Dan stqarru huwa stess f’intervista li kien ta lil Tim Sebastian li fiha ammetta li kien naqas bil-kbir li bil-fatti jwettaq il-prinċipji li ta’ sikwit iħobb jippridkalna dwarhom. Ammetta li kien naqas minn dan id-dmir biex politikament jibqa’ jimraħ fil-wiċċ.

Madankollu l-imġieba tiegħu ma kienitx motivata biss mix-xewqa li politikament jibqa’ jimraħ fil-wiċċ. Fiż-żmien li kien il-ministru tal-edukazzjoni, kien għadda l-kontroll tal-aġenzija tal-gvern li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-bini tal-iskejjel lill-assistent tiegħu Edward Caruana. Caruana jinsab mixli li xxaħħam minn kuntratturi li kienu ngħataw xogħolijiet pubbliċi. Edward Caruana jiċħad dawn l-akkużi.

Evarist Bartolo m’huwiex indirettament responsabbli għall-korruzzjoni li allegatament seħħet mill-galoppin ewlieni tiegħu. Iżda jkollu jerfa’ r-responsabbiltà għall-fatt li għal ġimgħat sħaħ baqa’ jinjora t-twissijiet tal-kap tal-aġenzija tal-manutenzjoni tal-iskejjel li kien ħeġġu biex jieħu passi kontra Caruana.

Evarist Bartolo baqa’ jiċħad. Iżda kellu jkun maġistrat li kkritikah talli kien baqa’ ċass dakinhar li llibera kuntrattur li kien mixli b’malafama talli kien kixef lill-assistent ewlieni tal-ministru tal-edukazzjoni. Il-maġistrat skanta bil-kbir kif Evarist Bartolo u l-ħaddiema ta’ taħtu, li kienu f’laqgħa hekk kif ixxandru il-fatti dwar Caruana, dehrilhom li ma kellhomx għalfejn javżaw b’dan lill-pulizija.

Evarist Bartolo bħal donnu li ma jafx x’ifisser whistle-blower. Dakinhar li xhud tkellem u xela’ lil Edward Caruana li talab li jixxaħħam, il-pulizija kienu ntalbu jieħdu passi kontra l-whistle-blower dwar malafama filwaqt li dak li fuq rasu kellu akkuża dwar tixħim, ingħata l-kenn.

F’każ ieħor, mhux għal kollox separat, Evarist Bartolo kien ta trattament speċjali lil min kien xela’ b’qerq lir-raġel ta’ Giovanna Debono dwar ta’ skema ivvintata dwar voti bi bdil ma’ xogħlijiet pubbliċi. Eventwalment Toni Debono spiċċa biex inħeles mill-akkużi li kienu nġiebu kontrih u l-qorti għamlet kritika ħarxa lill-prosekuturi hi u tistqarr li “l-akkużat seta’ ma ttellax il-qorti li kieku l-pulizija għamlet investigazzjonijiet sura.

Mill-banda l-oħra, Joseph Cauchi l-“whistle-blower” falz li gawda mill-hekk imsejjħa liġi dwar il-protezzjoni tal-whistle blowers li tħares biss lil dawk li l-gvern ikun irid jippremja, mhux biss kellu f’idejh parti kbira mill-baġit li nefaq id-dipartiment ta’ Evarist Bartolo. Huwa kien ukoll ikkomunika direttament ma’ Evarist Bartolo biex iserraħ rasu li Edward Caruana jerġa’ jieħu postu fl-aġenzija tal-manutenzjoni tal-iskejjel biex, s’intendi, jkompli jgawdi. Din l-informazzjoni nkixfet wara li ġew preżentati kopji ta’ emails fil-qorti.

L-ewwel ministru tal-edukazzjoni tal-Labour kien fetaħ il-bibien biex iseħħ il-korruzzjoni, għattieha meta kienu nkixfu sħabu u mbagħad ikkumpensa bi flus il-poplu lil min ivvinta akkużi foloz kontra l-avversarju politiku tiegħu.

Wara Evarist Bartolo laħaq Owen Bonnici.

Meta ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia, Bonnici kien għadu ministru tal-ġustizzja b’responsabbiltà sekondarja għat-tindif pubbliku.Kien mar il-Kunsill tal-Ewropa biex jitkellem kontra s-sejħiet biex issir inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kien stqarr li din l-inkjesta m’għandhiex issir qabel ma jiġi eżawrit il-proċess kriminali fil-qorti.

Lill-Avukat Ġenerali kien indaħallu u kien żammu milli joħroġ ordinijiet b’rabta mar-rapport maġisterjali dwar l-inkjesta dwar l-iskandu Egrant u dan billi stqarr li kien qed jaġixxi bħala avukat ta’ Joseph Muscat u mhux bħala ministru tal-ġustizzja.

Lill-impjegati tal-gvern kien jordnalhom kuljum – kultant aktar minn darba kuljum – biex ixejjnu protesta paċifika barra l-bini tal-qorti minn dawk li kienu qed isejjħu biex issir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia. Għalih ir-ritratti tagħha li kienu jitqiegħdu mal-mafkar mill-qraba u ħbieb tagħha kienu “żibel” u “theddida għall-ordni pubbliku”. Il-Qorti kienet sabitu ħati ta’ ksur tad-dritt fundamentali tal-espressjoni ħielsa.

Fiż-żmien li kien nsab ħati mill-qorti, huwa nħatar ministru tal-edukazzjoni.

Warajh laħqet Justyne Caruana. Din reġgħet iddaħħlet fil-kabinett wara li kienet ġiet imġiegħla twarrab wara li ħareġ fil-beraħ il-fatt li żewġha kien għamel btala ma’ Yorgen Fenech li jinsab mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dak iż-żmien Justyne Caruana kienet membru tal-kabinett li kellu jiddeċiedi jagħtix jew le proklama lil Melvyn Theuma (ix-xhud prinċipali kontra Yorgen Fenech) u lil Yorgen Fenech innifsu.

Caruana ma kellhiex x’taqsam mal-imġieba ħażina ta’ żewġha (mġieba ħażina li huwa jiċħad) iżda kienet politikament responsabbli għall-ambigwità inaċċettabbli li ħolqot fil-każ kontra l-qattiela ta’ Daphne. U dan biex ma nsemmux il-fatt li baqgħet imwaħħla mas-siġġu anki dakinhar li l-qorti stqarret li l-fatt li l-investigatur ewlieni fil-qtil ta’ Daphne kien żewġha huwa fih innifsu ksur tad-drittijiet fundamentali tal-familja ta’ Daphne. U baqgħet f’postha anki wara li dik is-sentenza ġiet konfermata fl-appell.

Meta mbagħad kienet nġiebet lura mill-eżilju temporanju tagħha mill-gvern, Caruana kellha sieħeb ġdid.  U lil tad-dipartiment tagħha ordnatilhom jagħtu €15,000 lil seħibha biex dan “jevalwa” l-kurrikulu tal-isport fl-iskejjel. Dan seħibha m’għandu l-ebda kwalifika akkademika fl-edukazzjoni tal-isports iżda xorta waħda tħallas talli għamel spezzjonijiet fl-iskejjel meta t-tfal kollha kienu msakkrin id-dar minħabba l-imxija covid.

Dan il-każ issa ġie investigat mill-kummissarju tal-istandards li minn naħa tiegħu stqarr li l-investigazzjoni waslet fi tmiemha iżda ser jħalli f’idejn il-kumitat tal-istandards parlamentari biex ixandar il-konklużjonijiet. Skont il-proċeduri, dan ifisser li Caruana kienet instabet ħatja li kisret il-kodiċi tal-etika.

Issa jekk tintuża l-istess riga li ntużat fil-każ ta’ Carmelo Abela (li nefaq flus il-poplu biex xtara riklami fil-gazzetti li ma rriklamaw xejn ħlief lilu) u dak ta’ Rosianne Cutajar (li kienet naqset li tiddikjara lill-Parlament li rċeviet rigali ta’ flus u ħlasijiet ta’ senserija mingħand Yorgen Fenech, in-namrat sigriet tagħha li aktar tard kien ġie mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia), l-Ispeaker Anġlu Farrugia ser jara kif jagħmel biex  Justyne Caruana tgħaddiha lixxa.

Dak huwa r-rekord tal-aħħar tliet edukaturi ewlenin ta’ pajjiżna: Evarist Bartolo li fetaħ il-biben beraħ biex titwettaq il-korruzzjoni, Owen Bonnici li kiser id-drittijiet tal-bniedem, u Justyne Caruana li berbqet flus il-poplu.

Dawn l-edukaturi ewlenin qed jagħtu l-eżempju lil uliedna. Mhux ta’ b’xejn li issa u għal ġenerazzjonijiet futuri, d-dinja tħares lejna bħala pajjiż tal-ħallelin.