Illum irħejtilha lejn il-bini tal-qorti fil-Belt Valletta biex insegwi l-ewwel seduta f’kawża li Repubblika għamlet is-sena li għaddiet sabiex jiġi emfasizzat il-fatt li l-Electrogas qed tixtri l-gass mingħand is-Socar bi prezzijiet li huma ogħla mir-rati kummerċjali eżistenti u li għaldaqstant l-Enemalta qed tixtri l-elettriku mingħand l-Electrogas bi prezzijiet ogħla minn dawk li kieku kellha tixtrih minn band’oħra bħal, pereżempju, permezz tal-interconnector Sqalli, u li allura l-Enemalta qed iġġiegħel lil tal-ARMS jiġbru d-differenza fir-rati tad-dawl mingħand il-konsumaturi permezz ta’ kontijiet ogħla u (hawn ħudu nifs ‘il ġewwa) peress li l-kontijiet ogħla huma r-riżultat ta’ kuntratt korrott li sar ma’ tal-Electrogas, u peress li m’għandniex għażla oħra ħlief li nixtru l-elettriku li neħtieġu mingħand l-Enemalta, l-Istat Malti (li qed iġegħelna nħallsu aktar għall-elettriku li qed ikollna nixtru bilfors) qed jisraqna (minn flusna).
Fi kliem ieħor, li xi ħadd qed jerdagħlna demmna fuq kull kont tad-dawl li jinħareġ f’Malta u li l-flus li qed ninsterqu rriduhom lura.
Jidher li din il-kawża mhix ser tinqata’ malajr. Qed nagħmlu mistoqsijiet kumplikati u hemm bosta li għandhom interess li jżommuna milli nagħmluhom. Dawk li ġew imħarrka – jiġifieri l-gvern, l-Enemalta u l-ARMS – qed jagħmlu minn kollox biex ma jwieġbux għall-ilmenti li għamilna u biex jipperswadu lill-qorti tinjora t-talbiet tagħna u dan għaliex mhix affari tagħna li noqogħdu nfettqu dwar liema ammont mill-kont għandna nħallsuh u dak li għandna nirrifjutaw li nħallsuh għaliex intbagħat biex jixxaħħam xi ħadd.
Dalgħodu tgħidx kemm tbissimt minn wara l-maskra meta l-avukat tal-gvern beda jitmasħan hekk kif l-avukat tagħna Edward Debono azzarda jlissen il-kelma “korrott” hu u jsemmi l-kuntratt tal-Electrogas. Kien qisu qed jipprotesta ma’ min ikun qed jistqarr li x-xita hi mxarrba.
Tiskanta kif għad hawn min jippretendi li Konrad Mizzi u Keith Schembri ma kinux qed jixxaħħmu. X’jippretendu nies bħal dawn? Tgħid mingħalihom li ser jaqtgħu passaġġ għalihom lejn xi ġenna speċjali?
Għalkemm aħna jidhrilna li għandna raġun biex inbiegħu, m’aħniex b’subgħajna f’ħalqna – nafu li l-gvern ser joħroġ b’elf skuża teknika biex jipprova jwaqqaf il-kawża u biex joqtolha qabel titwieled.
Iżda l-fatt jibqa’ li din il-kawża bdejnieha u l-50 persuna li ffirmaw din il-kawża qed isostnu pubblikament li l-iskużi li ġab Konrad Mizzi li hu innoċenti xejn ma niżlulhom u ma belgħuhomx. Dawn lanqas ma huma impressjonati bil-kliem imlissen minn uffiċjali tal-gvern li jridu jbellgħuha li ma sar xejn ħażin fil-kuntratt tal-Electrogas. Xi ħadd jeħtieġ li jitkellem ċar. U aħna qed nitkellmu ċar u tond. Qed nikkundannaw il-korruzzjoni u nitkellmu dwar il-konsegwenzi tagħha u l-ħsara li din għamlet u li għadha qed tagħmel lill-poplu Malti. Qed ninsistu li l-flus li qed jinsterqu minn bwiet il-poplu għandhom jitħallsu lura.
Il-kawża mistennija tissokta x-xahar id-dieħel.
Għad fadalli ħafna x’nikteb dwarha.