Għandi nifhem li Robert Abela, bejnu u bejn ruħu, mhuwiex tal-fehma li Joseph Muscat huwa xi alla. Madankollu Robert Abela jaf sewwa li kien hu li ġie elett biex imexxi lill-Partit Laburista minflok Chris Fearne għas-sempliċi raġini li Chris Fearne kien indika bil-quddiem li ma kienx biħsiebu jixgħel xemgħat biex iqim lil Joseph Muscat wara li jkun warrab. Robert Abela, mill-banda l-oħra, hekk wiegħed li kien ser jagħmel u s-segwaċi ta’ Joseph Muscat għaddewlu l-premju bil-patt li jkompli miexi fit-triq tal-benjamin tagħhom.

Ta’ min jgħid li t-triq li kien qabad Joseph Muscat ma kienet xejn aktar minn dik li lis-segwaċi tiegħu fil-Partit Laburista tathom motiv biex jiċċelebraw ir-rebħiet fl-elezzjonijiet fit-toroq u biex jinku lill-ġirien Nazzjonalisti tagħhom fis-sigħat ta’ wara l-għadd tal-voti – ħaġa li kienu ilhom jistennew 25 sena sħaħ biex setgħu jagħmluha. Dan kien kulma akkwistaw mingħand Joseph Muscat: sokor, ċelebrar u xalar.

U għal dan kollu, dawn is-segwaċi jidhrilhom li hu għandu d-dritt li jbill subgħajh kull fejn irid u kull fejn jogħġbu.

Kollox jindika li dawk li huma mdawrin madwar Muscat mhumiex grupp politiku iżda setta. Joseph Muscat, li għal ftit ma jridhiex li hu xi messija, tista’ tgħid li m’għandu xejn x’jista’ jagħti lil dawn is-segwaċi: kemm ser idumu dawn jappoġġjaw politiku korrott talli ffrankalhom il-ħlas tal-miżata tal-kindergarten?

X’jista’ jagħtihom issa Joseph Muscat? Ser iħallashom talli jinżlulu fit-toroq? Ser iqabbadhom biex jaħarqu l-bini tal-qorti?

X’jistennew li jingħatalhom dawn is-segwaċi tiegħu? Xejn affattu. Għaliex dawn jifformaw parti minn setta. U dan huwa l-oppost tal-idea li l-Maltin jaħsbu biss f’buthom u f’xejn aktar. Li kieku dan kien minnu, lil Joseph Muscat ilhom li bdew jiġru warajh biex iħallas lura dak kollu li xeħet f’butu u mbagħad jgħaddu biex isegwu l-mexxej  populist li jkun imiss. Jidher li moħħ is-segwaċi ta’ Joseph Muscat huwa aktar imdawwal minn hekk. Biex jippikaw ma’ min ma jaqbilx magħhom, dawn ikunu saħansitra lesti li jsegwuh anki fl-abbissi tal-infern.

Robert Abela m’għandux il-ħila li jegħleb lil Joseph Muscat.

Jista’ biss isegwih, kif huwa mdorri li jagħmel.