Robert Abela m’għandux għażla ħlief li jiżfen għad-daqq ta’ Joseph Muscat.
Agħtu daqqa t’għajn lejn il-faċċata ta’ quddiem tal-Orizzont tal-lum: “Għall-PN, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet ifisser li jdaħħluhom fil-logħba partiġġjana.” Hekk ġie kwotat li qal il-prim ministru li, minkejja ċ-ċaħdiet tiegħu, qed iżid il-pressjoni fuq il-maġistrat inkwirenti li qed tinvestiga l-iskandlu tal-korruzzjoni fil-bejgħ tal-isptarijiet.
Robert Abela mhuwiex jixli lill-PN b’partiġġjaniżmu. U żgur li l-PN huwa partiġġjan. Dik wara kollox hi l-funzjoni ta’ partit politiku.
Dak li qed jimplika l-prim ministru permezz tar-rimarki li għadda hu li l-maġistrat tinsab fil-but tal-PN. Lil Jason Azzopardi – bniedem li s-segwaċi tas-setta ta’ Joseph Muscat ma jaħmluħx pinġut – żeffnu fin-nofs biex jinsinwa li l-Maġistrat u l-Pulizija jagħmlu biss dak li jordnalhom Jason Azzopardi. Filwaqt li Jason Azzopardi jista’ forsi jiskanta bis-saħħa li suppost għandu, l-Maġistrat u l-Pulizija jkunu ġustifikati li jħossuhom insultati.
L-akkuża li għamel il-prim ministru hi bla bażi. Iżda anki li kieku ma kinitx, teżisti proċedura fil-qorti li permezz tagħha l-mixli jkun jista’ jilmenta li dwar preġudizzji li seta’ jkun sofra mingħajr ma jkollu għalfejn iqabbad lill-prim ministru biex jagħmel l-ilment f’isimhom fuq il-faċċata ta’ quddiem tal-ġurnali. Inkjesta maġisterjali ma tistax tikkonkludi dwar kwistjonijiet ta’ ħtija jew innoċenza. Xogħol il-Maġistrat hu li jiġbor il-provi. Anki jekk dawn il-provi jkunu moħbijin fuq xi mobile li l-persuna taħt suspett tgħid li hu ta’ wliedu.
Il-Maġistrat tista’ tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar x’jindikaw il-provi li tkun ġabret. Iżda dan ma jfissirx li tista’ tiddikjara l-ħtija u tagħti l-piena. Huwa appuntu dak li jkun beżgħan li l-provi jistgħu jikxfuh li jagħmel minn kollox biex jimmina lill-Maġistrat inkwirenti jew li jipprova jintimidaha.