Anki meta wieħed iżomm f’moħħu l-ħakma li kien hemm fuq l-istituzzjonijiet fi żmien Joseph Muscat, naħseb li issa wasalna f’punt fejn id-dgħjufija tas-saltna tad-dritt qed narawha tkompli tiżdied. Armat bis-setgħat kollha tal-gvern u tal-partit fil-gvern, Robert Abela issa qed jiskredita l-proċess ġudizzjarju billi jixlih li hu partiġġjan u f’konfoffa mal-PN.
Mill-ħażin ser immorru għall-agħar. Sakemm lin-nies tiegħu Robert Abela ma jdurx fuqhom u jgħidilhom dak li dejjem jgħid lilna: ħallu lill-istituzzjonijiet jaħdmu.
Minn dan l-istadju ‘l quddiem, kull rakkomandazzjoni maġisterjali ipotetika biex jiġi mħarrek Joseph Muscat ser tintlaqa’ mit-twemmin tas-setta ta’ madwaru li Joseph Muscat huwa vittma li qed jiġi vittimizzat għalxejn. Ser jivvintaw mitt ħaġa biex “jippruvaw” li l-eroj tagħhjom hu vittma ta’ inġustizzja. Tiftakru kemm-il darba kienu jistaqsu: “fejn hu l-laptop“? Issa ser jibdew jirrepetu: “għaliex lit-tfal ħadtulhom il-mobiles”? Dawn jiġu jaqgħu u jqumu li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hi li dak li seħħ kien loġiku u minn ewl id-dinja. Jekk tas-setta Muscatjana jidhrilhom li qed issir inġustizzja mal-alla tagħhom, għandhom is-setgħa li jagħmlu ħafna aktar milli jxandru r-rabja tagħhom fuq Facebook. Jidher ċar li, għaliex issa Joseph Muscat qed jara l-manetti mdendlin quddiemu, lin-nies tiegħu qed iżommhom għal-lest fuq ponot subgħajhom għax jista’ jasal mument li fih isejħilhom biex jegħlbu lill-forzi tal-ordni permezz tal-vjolenza.
Wara li ssir ir-rakkomandazzjoni mill-Maġistrat, ikun hemm il-ħtieġa li l-Avukat Ġenerali jiddeċiedi għandhiex isseħħ taħrika, il-Pulizija tkun trid tiddeċiedi għandhomx isiru l-arresti, ikun jeħtieġ li l-mixli jittella’ quddiem Maġistrat jew Imħallef u jista’ jagħti l-każ li l-mixli jkollu jagħmel żmien maqful il-ħabs. Sadattant, f’dawn l-istadja kollha, it-theddida tal-vjolenza qed tinstema’ tidwi dejjem aktar. Numru ta’ uffiċjali pubbliċi – bosta minnhom għadhom mhux identifikati – qed jiġu mwissija, flimkien mal-Maġistrat inkwirenti, li fejn jidħol Joseph Muscat m’għandhomx jiġu mmexxija mil-liġi u mill-kuxjenza tagħhom: il-liġi u l-kuxjenza mhumiex rilevanti. Joseph Muscat ħadd ma jista’ jmissu. U, skont il-qaddejja ta’ Muscat, ikun ħażin għalihom jekk jintmess. Voluntiera hemm bir-rimi: Jason Micallef, Jeffrey Pullicino Orlando, Emmanuel Cuschieri u Karl Stagno Navarra.
U l-qassis il-kbir Robert Abela, minkejja li mhuwiex japprova dan kollu, qed juri li huwa lest li jissagrifika r-regoli bażiċi tad-demokrazija.
Għaliex jaf li, jekk ma jiżfinx għad-daqq tagħhom, iduru għalih u jibilgħuh.