Robert Abela stqarr li ser jivvota kontra u li biħsiebu jitlob lid-deputati tiegħu biex jivvotaw kontra abbozz li jdaħħal fis-seħħ liġijiet ta’ kontra l-mafja. Dwar il-proposti l-oħra li tnisslu mir-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallfin tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kellu biss kliem ta’ tmaqdir u ma sab xejn xi jfaħħar fihom. Jeħtieġ li nistennew u naraw, iżda jidher li x’aktarx li Robert Abela u l-partit tiegħu ser jivvutaw kontra l-abbozzi ta’ liġijiet li tfasslu biex jipproteġu lill-ġurnalisti, biex l-abbuż tas-setgħa jsir delitt kriminali u biex ikunu jistgħu jingħataw ordnijiet mill-qorti dwar ġid li sidu ma jkollux il-ħila jispjega kif inħoloq.
Il-Ħadd ta’ wara d-dibattitu – dibattitu li jridu joqtluh qabel jitwieled – x’aktarx ser idur fuq in-nies tiegħu u mbagħad jgħaddi xi kummenti sarkastiċi dwar kemm għandu aktar saħħa minn Bernard Grech fil-Parlament, liema rimarki mbagħad jistiednu t-tbissim u ċ-ċapċip. X’aktarx ukoll li ser jintogħġob ma’ Joseph Muscat.
Iżda mbagħad? Robert Abela kif biħsiebu jispjega lid-dinja id-deċiżjoni li ħa? Lill-gvernjijiet Ewropej x’ser jgħidilhom? In-nies tiegħu x’ser jgħidulhom lill-aġenziji tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-kumitati tal-Parlament Ewropew u lil tal-Financial Action Task Force? Kif ser tinżlilhom lill-gvernijiet tar-Renju Unit u tar-Russja li kklassifikaw lil Malta bħala ġurisdizzjoni ta’ riskju għoli? Din id-deċiżjoni kif qatt tista’ tipperswadihom li jreġġgħuna lura għal fuq il-Lista l-Bajda? Min ser jemmen issa li taħtu Malta saret mudell ta’ governanza tajba? Min ser jemmnuu li jinsab impenjat favur il-libertà tal-kelma u l-ġurnaliżmu indipendenti? Min ser ikompli jaċċetta l-garanzija li kien għamel li Malta ser tiġġieled kontra l-ħasil internazzjonali ta’ flus u kontra l-kriminalità organizzata? Min ser ikompli jiddistingwi bejn il-korruzzjoni lampanti ta’ dak ta’ qablu u bejn il-qrid iddisprat ta’ Robert Abela li jrid ibellagħha li huwa verġni?
Kif ser iħossuhom l-uffiċjali tal-pulizija, l-prosekuturi, l-maġistrati, l-imħallfin, l-impjegati tal-gvern, ir-regolaturi, l-ombudsmen, il-whistle-blowers u ċ-ċittadini komuni hekk kif jaraw lil Robert Abela jarmi ‘l barra mit-tieqa abbozzi ta’ liġijiet imfassla apposta biex jipptoeġuhom mill-abbuż tal-poter? X’ħeġġa ser ikollhom dawn li jikkoperaw fl-isforz nazzjonali biex isem il-pajjiż jitnaddaf?
Din ser tkun ġimgħa li fiha t-tmexxija ta’ Robert Abela ser tibqa’ tiġi mfakkra. Ser tkun ġimgħa li fiha ser jivvota kontra liġi li tikkriminalizza d-delitti mafjużi. Dan huwa mument li għad jissemma’ f’xi inkjesta pubblika oħra wara li jkun seħħ xi diżastru ieħor. Mument li ser jitqabbel ma’ dak li matulu Joseph Muscat kien iddeċieda li jagħti l-kenn tiegħu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi wara li Panama Papers kienu kixfuhom.
Dan ser ikun mument li fih Robert Abela ser jagħti l-kenn tiegħu lil Joseph Muscat.
Ilna 6 snin induqu l-konsegwnzi ta’ dan li jseħħ meta l-kriminalità tiġi premjata bl-impunità. U din il-ġimgħa Robert Abela dan kollu ser jinsieh.