AĠĠORNATA: 11:05 bl-istqarrija tal-PN 

Rosianne Cutajar ammettiet li kienet irċeviet €9,000 fi flus kontanti bħala “rigal f’għeluq sninha” mingħand Yorgen Fenech, il-bniedem li jinsab mixli bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ammettiet li ma kinitx iddikjarat ir-rigal. Fil-Parlament Malti kif ukoll fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa qabżet għal Yorgen Fenech u insistiet li l-kuntratt dwar l-Electrogas m’għandux jiġi mgħarbel fil-kuntest tal-assassinju. Tkellmet mingħajr ma kixfet l-irbit finanzjarju li kellha miegħu.

Iċ-ċirkostanzi wrew li kienet is-sensara f’negozju ta’ bejgħ ta’ proprjetà f’isem Yorgen Fenech u li f’butha daħħlet €50,000. Għalkemm jidher li ammettiet li kienet tħallset dan il-flus, stqarret li dawn ma kinux intenzjonati għaliha iżda għall-assistent tagħha. Qabel inkixfet l-istorja, ebda wieħed minnhom ma ddikjara dawn il-flejjes fid-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul. L-assistent tagħha spiċċa biex għamel id-dikjarazzjoni wara l-fatt.

Il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li kien hemm ksur tal-etika f’dan il-każ. U l-membri tal-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, inklużi l-membri tal-gvern, iddeċidew li jċanfruha.

Dan kollu qed nirrepetih għaliex issa għaddew xahrejn u l-gvern bħal donnu jidhirlu li għadda biżżejjed żmien iġiegħel lin-nies tinsa.  U laħħquha president tal-kumitat parlamentari dwar is-saħħa u tawha wkoll żjieda fil-paga.

Il-prim ministru gideb meta qal li ma kien hemm l-ebda każ ta’ governanza ħażina kemm ilu li ħa r-riedni mingħand ta’ qablu. Rosianne Cutajar hi waħda biss minn bosta persuni. Issa taha promozzjoni biex jurina d-disprezz li għandu għall-proċess sħiħ tal-etika. Tabilħaqq wera disprezz lejn l-etika nnifisha.

Fl-aħħar mill-aħħar, li kieku tal-Oppożizzjoni opponew in-nomina, xorta kienu jlaħħquha. Iżda l-fatt li ma oġġezzjonawx jagħtina x’nifhmu li jaqblu mal-promozzjoni li ngħatat. Dawn jew kienu reqdin fuq ix-xogħol – wara kollox, xogħolhom huwa dak li jopponu, kif jixhed isimhom – jew il-gvern għandu raġun u xahrejn huma biżżejjed biex il-passat korrot ta’ politiku jitnaddaf.

Għandu raġun il-gvern jgħid li kulħadd jiġi jaqa’ u jqum.

Aġġornata (11:05) Il-PN ħareġ stqarrija li permezz tagħha seħaq li ma qabilx mal-promozzjoni li ngħatat Rosianne Cutajar u li biħsiebu jibbojkottja l-kumitat li ser tmexxi. Qal ukoll li l-ħatra saret permezz ta’ mozzjoni bil-moħbi. Din forsi tiċċara xi ftit il-fatt li l-PN ma jaqbilx mal-promozzjoni ta’ Rosianne Cutajar. Iżda xorta waħda jidher li xi ħadd ittraskura xogħlu.