Il-Pulizija wettqu tfittxija fir-residenza ta’ Joseph Muscat u ttiħdulu l-mobiles tiegħu. Stqarr li kienet “nofs sorpriża”, li jfisser li xi ħadd kien għaddielu kelma u li din it-tfittxija kien qed jistennieha. Xejn ma kien sorpriż b’dak li seħħ. Jidher li għad għandu l-ħbieb li jwasslulu l-informazzjoni. Wieħed jittama li ma kellux biżżejjed ħin biex jeqred il-provi kollha.
Joseph Muscat kien jaf li kienu ser jagħmlulu tfittxija u għaldaqstant fir-residenza tiegħu l-Pulizija setgħu biss isibu dak li hu riedhom li jsibu.
Madankollu dan ma jfissirx li l-istorja ser tieqaf hawn.
Din l-inkjesta kienet intalbet minn Repubblika fl-2018. Il-ħallelin kienu ħasbu li l-inkjesta kienu ser imewtuha fuq ommha meta ppreżentaw appell quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti li kien ħassar sentenza ta’ qorti inferjuri li ordnat li tinbeda l-inkjesta. Iżda Repubblika baqgħet tippersisti u l-inkjesta tnediet xorta waħda.
U issa wasalna s’hawn. X’aktarx li l-maġistrata ġabret biżżejjed provi li ġegħluha tissuspetta li fir-residenza ta’ Joseph Muscat teżisti xi ħaġa li tista’ tammonta għal prova biex b’hekk ikun jista’ jkun mixli b’reat kriminali. Li kieku ma kienx hekk, il-maġistrata ċertament ma kinitx tordna t-tfittxija: ħeġġa kemm jista’ għandha ħeġġa biex tikxef il-verità, ħadd ma jkun irid ikun mixli li jrid jumilja lil Joseph Muscat.
Madankollu l-umiljazzjoni tinsab fil-fatt li – għalkemm Muscat kien jaħsibha mod ieħor – qatt ma jkun jaqbillek li ddendel kusek mal-kriminalità. Anki jekk din il-kriminalità titwettaq minn prim ministru.
Joseph Muscat “totalment” jiċħad li għamel xi ħaġa illegali. Huwa meqjus innoċenti sakemm ma jiġix pruvat mod ieħor. U ma nafux huwiex ser jiġi mħarrek jew le.
Twettqet tfittxija fir-residenza tiegħu. Din diġà hi pass ‘il quddiem.
Forsi sa fl-aħħar issa hemm xi ħadd li ser iwaqqaf it-teatrini u lil Joseph Muscat idabbarlu rasu ‘l ġewwa.
Minn barra għal ġewwa.