Nixtieq nagħmel xi osservazzjonijiet dwar ir-rimarki li għamlu Joseph Muscat u Robert Abela wara li lbieraħ il-Puliizja wettqet tfittxija fir-residenza tal-eks Prim Ministru. Dawn lissnu l-istess affarijiet u dan x’aktarx ifisser li ftiehmu minn qabel x’kienu ser jgħidu.

Dan li ġej intqal minn Joseph Muscat lil tat-Times of Malta:

“Muscat qal li l-fiduċja tiegħu fl-inkjesta issa ħadet daqqa ta’ ħarta għaliex l-offerta li kien għamel biex jixhed dwar ħlasijiet li saru f’Novembru kienet ġiet miċħuda.”

U lil tal-Malta Today, Robert Abela qalilhom hekk:

“Il-PM Robert Abela qal li għandu fiduċja sħiħa fl-istituzzjonijiet, iżda saħaq li din il-fiduċja dawn għandhom jibżgħu għaliha.”

Ejjew nagħmluha ċara u tonda – għalkemm kellha tkun ċara kristall mill-bidu nett.

Il-fiduċja tas-suspettat ma tidħol xejn fejn għandhom x’jaqsmu l-investigazzjonijiet kriminali. Mhix importanti l-fehma ta’ min ikun mixli b’delitt kriminali dwar jekk imħallef għandux ikun fdat jew le. Min ikun taħt suspett m’għandux is-setgħa li jiddeċiedi għandhomx ikellmuh meta ssir tfittxija f’daru jew jekk jogħġbux jew le dak li jiddeċiedu l-investigaturi, l-prosekuturi, l-ġurati u l-imħallfin, dment dejjem li jibqgħu fil-limiti tal-legalità. U jekk is-suspettat jaħseb li xi ħaġa mhix sew, ma jkunx hu li jiddeċiedi x’għandu jsir. Għandu kull dritt jilmenta iżda ma jistax jagħżel hu lil min għandu jagħmel l-ilment jew jistenna li jsib lil xi ħadd fdat biex jagħmel l-ilment miegħu.

Mhix rilevanti l-fiduċja (jew in-nuqqas tagħha) li Joseph Muscat għandu fl-inkjesta.

Ir-rimarki li għadda Robert Abela huma aktar serji. Dan wissa li l-fiduċja li għandu fl-istituzzjonijiet għandha tiġi mħarsa u, għaldaqstant, wissa li din tista’ tintilef. U b’daqshekk? L-awtorità li għandha maġistrat mhix mogħtija lilu mill-prim ministru u ma jkun jimporta xejn affattu jekk il-prim ministru jafdax lill-maġistrat jew le. Id-dritt u d-dmir ta’ maġistrat hu li tagħmel xogħolha skont il-liġi ma tiddependix mhux mill-fiduċja  (jew in-nuqqas tagħha) tal-prim ministru. Mhix rilevanti l-fiduċja ta’ Robert Abela u l-prim ministru jkun qed jintimida u jabbuża mis-setgħa tiegħu meta jitkellem dwar awtorità li fil-fatt m’għandux.

Fil-konfront ta’ xi ministru tal-gvern, Robert Abela jista’ jitlef il-fiduċja tiegħu għaliex il-ħatra ta’ ministru tiddependi mill-fiduċja li għandu jkollu l-prim ministru. Iżda maġistrat huwa totalment u assolutament indipendenti mill-prim ministru. Għallinqas hekk għandu jkun f’demokrazija fejn issaltan il-liġi.

Issa qed niġu mhedda bis-saltna tal-manigoldi. Jason Micallef issa żied leħnu mal-kor ta’ Laburisti sal-Mewt li qed isejħu biex isiru protesti fit-toroq kontra l-Maġistrat u l-Pulizija. Pajjiżna qed jiġi mhedded mill-kriminali li ħatfu pajjiżna b’kolp ta’ stat populist u bil-qerda tal-istituzzjonijiet demokratiċi.

Qed nilagħbu man-nar. Joseph Muscat u Robert Abela jippreferu jarawna mwerwrin. Qed jagħmlu pressjoni fuq il-Maġistrat u fuq il-Pulizija li qed jaħdmu fuq dan il-każ bit-theddida li eluf ta’ Laburisti rrabjati għad jinżlu fit-toroq. Muscat u Abela qed jittamaw li din it-theddida ser tkun biżżejjed u li mhux ser ikollhom iħollu l-mostru mir-riedni.

Iżda jidher li mostru ser jitħajru jħolluh jekk, f’din il-fażi unika fl-istorja riċenti tagħna, ikun hemm min jinsisti li jagħmel xogħlu u jsus wara l-kriminali sakemm dawn jispiċċaw fil-ħabs.

Dan huwa mument delikat ferm.