Id-diskorsi tal-esponenti tal-Partit Laburista jikxfu dak li qed jinkwetahom u jberren f’moħħhom. Dawn mhumiex qed jinkwietaw li ser jitilfu l-elezzjoni. Qed jinkwietaw dwar ix-xejriet li qed jinħassu fost il-partitarji tagħhom li jistgħu jwasslu biex jinkaljalhom il-vapur.

Aħsbu ftit dwar il-kwalità tad-diskorsi li saru lbieraħ fl-Imqabba. Clint Camilleri wiegħed lill-kaċċaturi li biħsiebhom ikomplu jiksru l-liġijiet tal-konservazzjoni tal-annimali bl-iskuża tal-esperimenti xjentifiċi. F’dan il-pajjiż hawn numru kbir ta’ kaċċaturi. Hu u jitkellem dwar in-namra li għandu għall-qerda tal-għasafar, Clint Camilleri mela diskorsu bi kliem dwar “aħna” u “huma” u b’lingwaġġ dwar it-taqtigħa ta’ bejn il-klassijiet soċjali. Fiċ-ċentri urbani, fejn jgħixu bosta mill-partitarji tal-Labour, il-kaċċa ma tantx għandhom grazzja magħha. Li hu żgur hu li kontradizzjonijiet soċjoloġiċi bħal dawn xejn ma fixklu lil dan il-politiku li għal ftit ma ġegħelx lil dawk li kienu qed jisimgħuh li jxerrdu xi demgħa jew tnejn. Lill-udjenza entużjasta Clint qalilha “dawn jgħajruna ħamalli għaliex aħna ma twilidniex b’imgħarfa tal-fidda f’ħalqna”. Lanqas b’senter bejn id-driegħ tagħhom ma twieldu. Issa l-ħamallaġni jaf ikun vizzju li jiswa l-flus. Dan l-aġġettiv ta’ sikwit jiġi applikat għal min hu żorr, injorant u bla manjieri. Il-ħamallaġni m’għandha x’taqsam xejn mal-ġid jew man-nuqqas tiegħu.  Qatt ma smajt lil min ilissen din il-kelma biex jirreferi għal min hu fqir. Il-kelma “ħamallu” ġieli ntużat biex tiddeskrivi wħud mill-kollegi ta’ Clint Camilleri – mhux minħabba xi nuqqasijiet soċjali – iżda minħabba n-nuqqas ta’ moralità fl-imġiba, minħabba l-ilbies żejjed tagħhom ta’ ħwejjeġ fini tad-ditta, minħabba t-tberbiq u minħabba l-qima li għandhom għal bini  li huwa akbar u ogħla kull fejn iddawwar wiċċek. Nagħtikom eżempju. It-torrijiet tal-Imrieħel huma ħamalli għaliex trid jew ma tridx ser tarahom ma’ wiċċek, iddawru fejn idawru. M’għandu x’jaqsam xejn il-fatt li s-sidien ta’ dawn it-torrijiet huma sinjuruni kbar. Kellhom jew ma kellhomx imgħaref tal-fidda f’ħalqhom mit-twelid jew iddaħħlux f’ħalqhom aktar tard m’għandu x’jaqsam xejn. Ħamalli huma l-festini li fihom jinġabru  min ixaħħam u dawk li jixxaħħmu, is-sidien tad-dgħajjes lussużi, dawk li l-flus jonfquhom kif ġie ġie, il-kriminali, il-politiċi u dawk li mingħalihom saru allat għaliex bwiethom faru bil-flus kemm ilu li tal-Labour ħadu r-riedni f’idejhom.

Ħamalli huma l-Malta Film Awards li swew lill-gvern aktar minn dak li jonfoq biex jipproduċi l-films li kien qed jiftaħar dwarhom. U l-partitarji ħawtiela u beżlin tal-Partit Laburista, li ġew mgħallma jqisu lil tal-Labour bħala partit għall-ħaddiema u li huma s-“sinjuri” jivvutaw għall-PN, issa bdew jintebħu.

Huwa appuntu dan li qed ixomm Robert Abela mis-sondaġġi li qed isiru. Tmien snin ilu kienu raw il-fanfarunati u l-arja ta’ Michelle Muscat li riditha ta’ xi Evita. Kienet is-simbolu ħaj ta’ tlugħ soċjalista fuq is-sellum soċjali. Din fiha u ma fihiex. Tajjeb jew ħażin, hi x’inhi l-fehma tiegħek, wieħed jista’ jirraġuna li wara kollox l-iskop tas-soċjaliżmu u li jtella’ ‘l fuq lill-massa tan-nies u xi ħadd ikun jeħtieġ li jieħu l-inizjattiva. Jekk il-Partit Laburista tassew huwa għall-ħaddiem, ix-xogħol biss jista’ jgħolli kemm lill-partit kif ukoll lill-ħaddiema.

Il-ħaddiema – jew għallinqas numru mdaqqas minnhom – bdew jintebħu li l-koppja Muscat kienu għamlu użu mill-ħażen u mill-qerq sabiex jakkwistaw il-glorja. U dan huwa rifless fis-sondaġġi. Dawn mhumiex ser jivvutaw lin-Nazzjonalisti. Iżda qed juri nuqqas kbir ta’ entużjażmu għall-“moviment”. Xejn mhuma kuntenti bl-alleanza Muscatjana ta’ bejn il-partitarji proletarji tradizzjonali tal-Partit Laburista u l-opportunisti rgħiba li qed jerdgħu l-miljuni miż-żwieġ ta’ konvenjenza li għandhom ma’ Joseph Muscat. Bil-kelma “proletarji” rrid infisser id-dipendenza fuq ix-xogħol biex jinħoloq il-ġid u mhux kif fisser il-kelma “ħamalli” Clint Camilleri lil dawk li kellu quddiemu lbieraħ.

Aħsbu ftit dwar id-diskors ta’ Robert Abela li segwa dak ta’ Clint Camilleri. “Dawn lill-moviment Labursta jridu jkissruh” qalilhom. Dan meta qed imexxi partit li x’aktarx ser iġib madwar 56% tal-voti, partit li jgawdi l-appoġġ akbar minn dak ta’ meta Malta vvutat biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea fi żmien meta l-popolarità ta’ Eddie Fenech Adami kienet fl-aqwa tagħha u partit li jgawdi appoġġ f’pajjiżu li huwa l-ogħla fl-Ewropa demokratika. Ftit jagħmel sens kliem li jsemmi r-riskju ta’ xi qerda.

Iżda Robert Abela hawn ma kienx qed jirreferi għar-riskju li jinqered il-Partit Laburista. Kien qed jirreferi għall-inkwiet li qed iġġib magħha l-alleanza werċa bejn dawk il-votanti u ħaddiema Laburisti li jħallsu t-taxxi u s-sangisugi korrotti li qed jerdgħu demm il-pajjiż. Alleanza li nħolqot bis-saħħa tal-gideb u l-qerq ta’ Joseph Muscat u li t-tkomplija tagħha jiddependi fuq it-tkeskis tar-rabja u tal-mibgħeda tal-partitarji tradizzjonali fuq “in-nazzjonalisti”, l-għedewwa li ma jaħmluhomx u li jqisuhom b’ħamalli u li qed jaħdmu biex ikissru l-uniku partit li jirrappreżentahom. Din is-sistema tista’ tibqa’ taħdem u tagħti l-frott kemm-il darba s-segwaċi tal-Partit Laburista jibqgħu jobogħdu lil dawk li mhumiex membri tal-partit aktar milli jobogħdu lill-kriminali li hemm fi ħdanu. U t-tema ċentrali tal-kampanja Laburista ser tkun iffukata fuq il-konservazzjoni ta’ din is-sistema.

L-iskop ewlieni tagħhom mhux ser ikun dak li jattira lejn il-partit dawk li vvutaw PN fl-2017. Jekk jiġu attirati xi wħud minn dawn, merħba bihom.

L-għan ewlieni tagħhom hu li jserrħu rashom li dawk li dejjem ivvutaw Labour jibqgħu isostnuhom sabiex il-kriminali ħamalli li hemm fi ħdan il-partit jibqgħu jerdgħu kemm jogħġobhom.