It-titlu ta’ hawn fuq għażiltu b’risposta għal xi titli li lbieraħ ġew stampati f’xi ġurnali li xandru l-aħbar li mara li tiġi “Ħu Fr David Muscat” biħsiebha tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li ġejja.
Fr David Muscat huwa r-razzist aħrax li jgħid it-talba ta’ qabel l-ikel waqt il-fenkati li jorganizza Norman Lowell, dak li jiċħad li seħħ l-Olokawst u li tella’ ritratti taż-żjara li kien għamel f’Berchtesgaden li fihom jidher xi ftit aktar ferħan minn binti fir-ritratti li ħadna meta konna żorna Disneyworld.
Mhux l-ewwel darba li smajna bih. Iżda qatt ma smajt lil xi ħadd jintroduċih bħala ħu Mary Muscat. Qatt ma kellu l-ħtieġa li jiġi identifikat b’rabta familjari tiegħu ma’ mara.
Mary Muscat hi avukat, eks uffiċjal tal-pulizija, attivista favur it-tfal b’diżabbiltà, kummentatur ta’ ħila u issa kandidata għall-elezzjoni ġenerali. L-ebda minn dawn il-kwalitajiet ma ssemmew fit-titli li introduċewha bħala politiku. Minflok, sirna nafuha biss mill-parentela tagħha ma’ dak l-antipatiku li jaħbat ħuha.
M’iniex qed nikteb li qed nikteb biex naqbeż għaliha. Kapaċi titkellem għaliha nnifisha u, minn dak li sirt naf dwarha, m’għandha bżonn lil ħadd biex jaqbeż għaliha, partikolarment raġel ieħor.
Qed nikteb dan kollu għax dan jeħtieġ li jingħad. Irridu jew ma rridux, aħna jew m’aħniex konxji minnu, għadna naħsbu u nkejlu n-nisa bħala estensjoni tal-irġiel f’ħajjithom. Mara ma titqiesx fuq il-merti tagħha iżda aktar fuq mart, bint jew saħansitra oħt min hi.
F’dan il-każ, l-argument ma jistax ikun aktar ċar. Mary Muscat qed tiġi mkejla ma’ raġel li jmissu jaf aħjar u inġustament tniżżlet fil-qiegħ fejn jinsab hu.
Mhix skuża li effettivament tiġi oħt ħuha. Wieħed għandu jara biss jekk fatt bħal dan fih innifsu huwiex rilevanti għall-aħbar li ser tkun kandidata fl-elezzjoni li ġejja. U din mhi rilevanti xejn ħlief biex tiskwalifikaha għal raġunijiet li hi m’għandha l-ebda kontroll fuqhom.
Imissna nafu aħjar.