F’dawn l-aħħar xhur sirna nafu bi skandli dwar multi tat-traffiku maħruġin mill-gwardjani mitfugħin f’bir tas-skieken biex xi wħud setgħu jgħadduha lixxa. F’każ partikolari, jidher li negozjant (u allegat kriminal) tħalla jgawdi b’qerq minn flus imħallsin f’ċitazzjonijiet minn klijenti li kienu krew karrozzi mingħandu u li kienu għaddewlu l-ħlas tal-multi li mbagħad spiċċaw biex għaddew fil-bwiet tan-negozjant u tal-kompliċi tiegħu.

Hemm affarijiet li jtuni ġewwa aktar minn oħrajn. Din hi waħda minnhom. Meta fl-2000 kont bdejt naħdem mal-uffiċċju ta’ Austin Gatt, id-dipartiment tiegħu, dak iż-żmien immexxi minn Claudio Grech, kien qed jintroduċi t-tribunali lokali u l-gwardjani tat-traffiku. Bħal ħafna mill-inizjattivi politiċi li kien ħa Austin Gatt, din ma kinitx waħda popolari għalkemm kienet waħda tajba.

Waħda mill-miri politiċi ta’ din l-inizjattiva, apparti d-diċentralizzazzjoni ta’ kawżi minuri mill-Qrati ċentrali, kienet li jingħataw setgħat lill-Kunsilli Lokali biex dawn ikunu jistgħu jinfurzaw il-liġi fil-lokalitajiet tagħhom.

Kien hemm ukoll mira oħra li ma tantx kienet tissemma’: il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Sistema ġdida ġabet magħha l-ħruġ tal-multi diġitali u ħadet post is-sistema ta’ kitba ta’ multi bl-idejn bħal fil-każ tal-pulizija. Bis-sistema l-antika, ma kienx hemm mod kif wieħed seta’ jikkontrolla xi jkun inħareġ u x’ma jkunx inħareġ. Pulizija seta’ jwaħħal multa ta’ Lm10. Iżda b’din is-sistema, lill-pulizija stajt tħallsu Lm5 u ‘jaħfirlek’ iċ-ċitazzjoni: int tiffranka Lm5 u f’butu huwa jdaħħal Lm5. Dak iż-żmien, dik kienet biżżejjed biex titqies bħala korruzzjoni.

Is-sistema diġitali warrbet dan kollu billi nħolqot sistema ta’ awditjar. Jekk multa tiġi “kanċellata”, dan kien jirriżulta mis-sistema u l-Kunsilli Lokali kienu jkunu jafu b’dan. Kull Kunsill Lokali għandu politiċi mill-partit fl-Oppożizzjoni, u bosta minnhom huma mmexxija mill-partit fl-Oppożizzjoni. Dawn bilfors kienu jintebħu b’min ikun qed iqarraq bis-sistema u kien ikollhom kull interess li jikxfu l-każ. Ma setax ikun hemm sistema aktar trasparenti li tirregola t-twaħħil tal-multi.

M’għandniex xi ngħidu, tal-Labour din is-sistema neħħewha, l-amministrazzjoni tat-twaħħil tal-multi ġiet ċentralizzata u tqabbdu l-ħbieb biex imexxuha. B’hekk nfetaħ il-bieb beraħ għall-korruzzjoni li mill-iffrankar ta’ nofs multa ta’ Lm10 splodiet għall-qligħ ta’ €3 miljun ewro minn konġura mmexxija minn kumpannija tal-kiri tal-karozzi li allegatament kienet biss il-qoxra ta’ barra tal-kriminalità organizzata.

Meta int u jien, li nagħmlu l-almu tagħna biex nevitaw li niksru l-liġi, iżda li nħallsu l-multi meta nonqsu u ninqabdu, naraw din il-kwalità ta’ korruzzjoni, għandna kull dritt nitfantsu. Għax nobdu l-liġijiet u nħallsu l-multi meta ninqabdu, nitfantsu meta nsiru nafu li hawn min qed ixaħħam lil ħaddieħor u kollox jgħaddi bħallikieku ma kien xejn.

Napprezza l-fatt li tal-PN fehmu li ċ-ċittadini onesti li jobdu l-liġijiet joqomsu u jirvellaw meta jisimgħu bi ħwejjeġ bħal dawn. Iżda jidhirli li s-soluzzjoni tal-PN, f’attentat li jkunu popolari, hi waħda populista. Ma ssolvix il-problema meta tagħlaq għajnejk għall-ksur tal-liġijiet tat-traffiku darbtejn f’sena, mingħajr konsegwenzi. Li jweġġa’ mhux li jkollok tħallas multa ta’ €24 għax tkun ħallejt il-karozza fuq bankina. Li jweġġa’ hu li int ikollok tħallas il-multa meta ħaddieħor ikun qed jgħaddiha lixxa.

Hi din l-inġustizzja li l-PN jeħtieġ li jindirizza.

Barra minn hekk, nasal biex naċċetta li jingħalqu l-għajnejn meta nikser il-liġi darbtejn f’sena mingħajr ma nbati l-konsegwenzi jekk il-liġi li nkun ksirt tkun waħda banali, bħal pereżempju li nipparkja qrib kantuniera. Nispera issa li m’aħniex se noqogħdu nagħtu permess lin-nies li darbtejn f’sena jkunu jistgħu jipparkjaw fil-postijiet riżervati għal dawk b’diżabbiltà, jew li tingħata amnestija darbtejn f’sena għal imġiba li tista’ tqiegħed ħajjet in-nies fil-periklu, bħal sewqan b’veloċità aktar minn dik permessa mill-ispeed camera.

Din il-kwistjoni mhi ċara xejn u qed iddejjaqni.