Mark Camilleri, Marxista primordjali, Mintoffjan minn ġuf ommu, eks delegat tal-Partit Laburista, bniedem li vvota għal Joseph Muscat u li kien ħerqan jarah isir prim ministru, lbieraħ iddikjara li l-pajjiż għandu bżonn il-PN biex isalvah.
Il-loġika tiegħu diffiċli li wieħed imeriha. Ma sarx xi akkanit għall-PN. Sempliċement jidhirlu – kif jidhrilhom bosta minna – li l-kollass tas-saltna tad-dritt se jkun ir-riżultat aħħari garantit jekk jerġgħu jirbħu tal-Labour. Ħaġa waħda ftit inqas kerha minn rebħa Laburista hi telfa Laburista.
Ħadd m’għandu jilludi ruħu li loġika bħal din – li ma tistax tmeriha – ser iġġiegħel lin-nies jibdlu l-vot tagħhom. Mark Camilleri (u oħrajn li se jagħmlu bħalu) mhumiex il-prekursuri ta’ xi xejra politika ġdida.
Dan diġà għaddejna minnu fl-2017. Għexieren ta’ persuni magħrufin li kienu diġà ddikjaraw li kien biħsiebhom jivvutaw Labour qabel l-2013, stqarrew li kien biħsiebhom jivvutaw għall-PN fl-2017 għax ma setgħux jibqgħu jġerrħu l-korruzzjoni tal-gvern Laburista. F’dik il-kampanja, l-PN kien rebaħ l-argument. Il-mezzi tax-xandir kienu reġgħu daru favur il-PN u dan wara li kienu abbandunawh fis-snin qabel l-2013. Iżda l-kampanja vera ma saritx bid-diskors pubbliku. Il-kampanja kienet qed isir bejn erba’ ħitan b’tal-Labour iwiegħdu (u żammew kelmithom) bi pjaċiri żgħar lil familji li kienu qalbu favurihom.
Madankollu hemm ħaġa waħda li jeħtieġ li nifhmu minn kliem Mark Camilleri. Dan qed isostni jeżistu raġunijiet oħra li jwasslu għall-għażla ta’ politiku jew partit minn dawk li, fl-imgħoddi, tkun ibbażajt id-deċiżjoni dwar min għandek tivvota. M’hemmx għalfejn tħobb jew li jkollok grazzja ma’ min tagħti l-vot tiegħek. M’għandekx tħossok obbligat li tiddefendi d-deċiżjonijiet tagħhom jew li tipprotesta wisq kontrihom. M’għandekx għalfejn taqbel ma’ kull ma jagħmlu jew ma’ dak li jispirahom.
Kien ikun aħjar li kieku lil dawn tkun tista’ tħobbhom. Iżda li dawn ikunu denji tal-imħabba tiegħek mhuwiex xi rekwiżit għall-politiċi. Wara kollox, m’intix ser tiżżewwiġhom. Ser tivvutalhom biex imexxu lil pajjiżek għal ftit snin u fl-istess ħin tibqa’ tittama li xi ħadd aħjar jitfaċċa fuq ix-xefaq.
Tkun trid biss tirraġuna li vot għal politiċi li tagħżel minn fost lista ta’ kandidati hu l-aqwa użu li tista’ tagħmel bis-setgħa limitata li għandek f’idejk: jiġifieri d-dritt tal-vot.
Mark Camilleri jasal biex jaqbeż minn fuq xi sur għal isfel qabel jibda’ jsejjaħ lilu nnifsu “nazzjonalist”. Dan huwa kollox barra nazzjonalist. Madankollu qed jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jivvota PN u qed iħeġġeġ lil kull min huwa lest li jisma’ l-fehma tiegħu biex jagħmel l-istess u dan għal raġunijiet mhux partiġġjani. Il-pajjiż ċertament mhux ser isir ġenna tal-art bil-PN fil-gvern. Iżda jidhrilu li bil-PN fil-gvern il-pajjiż għandu ċans żgħir li ma jsirx infern.
Kollox huwa aħjar mill-infern. Mhux hekk?