Waqt attività politika tal-Partit Laburista, Stephen Montefort tana parir biex lit-tobba, lix-xjenza, lill-mediċina u lill-epidemjoloġija ma nafdawhomx. U dan għaliex għandna tabib mill-aqwa f’Robert Abela li, skont Stephen Montfort, huwa għajn ta’ għerf infallibbli dwar kif wieħed għandu jieħu ħsieb saħħtu. Stephen Montfort mhuwiex xi fanatiku bħal dawk li jreddnu kontra l-vaċċini li jemmen li l-pandemija Covid hi biss qlajja u li Bill Gates qed jaħkem lid-dinja. Għallinqas ma qalx li hu kontra l-vaċċin. Huwa tabib anzjan fis-saħħa pubblika li kien ġie injorat minn Robert Abela meta tah parir biex fil-pajjiż jordna lockdown.

Stephen Montfort stqarr li Robert Abela kellu raġun. Ma kienx hemm il-ħtieġa ta’ lockdown u, li kieku l-prim ministru sema’ minnu, kien ikollna nħallsu prezz ekonomiku għoli.

Dan jista’ jkun minnu. Iżda tifħir lill-politiċi bħal dan jixraq biss li kieku konna qed ngħixu f’xi stat totalitarju Sovjetiku.

Neħodha li dakinhar li Stephen Montfort kien irrakkomanda li l-pajjiż jitqiegħed f’lockdown, il-parir tiegħu kien imsejjes fuq ix-xjenza u fuq dak li hu u sħabu l-professjonisti kwalifikati emmnu li kienet l-aqwa triq fiċ-ċirkostanzi. M’għandniex nistennew li x-xjentisti għandhom ikunu jafu kollox. Lil dawn ma narmuhomx il-baħar meta t-tbassir jew aspettattivi tagħhom ikunu żbaljati. Li kieku kellna nistennew li għandu jkollhom dejjem ir-raġun, konna nsejħulhom tobba-sħaħar u mhux xjentisti.

Madankollu ix-xjentisti nistennew li għandhom jiġbru l-informazzjoni u jagħmlu rakkomandazzjonijiet objettivi imsejsa fuq provi li jkollhom f’idejhom. U nistennew ukoll li għandhom jibdlu r-rakkomandazzjonijiet li jagħmlu kemm-il darba tinbidel l-informazzjoni li jkollhom quddiemhom.

U nistennew li l-politiċi għandhom jieħdu l-aħjar deċiżjonijiet politiċi imsejsin fuq il-pariri xjentifiċi li jingħatawlhom minn dawk li jifhmu fix-xjenza.

Meta Robert Abela injora l-parir mediku li kien tah Stephen Montfort, il-prim ministru kellu jsejjes id-deċiżjoni tiegħu fuq l-intuwizzjoni, ix-xewqat u l-biża’ dwar il-prezz politiku li jġib miegħu lockdown u dan fi żmien meta kien diġà għamilha fatta li kien għamel rebħa fuq l-imxija.

Li kieku lil Robert Abela daħkitlu x-xorti u l-imxija qagħdet għall-ordinjiet tiegħu u mhux għal dawk tax-xjentisti, ma kienx ikollu għalfejn jieħu l-krettu hu. Kienet tkun ġietu tajba llum u l-għada taf tinqaleb l-istorja.

Ilbieraħ Stephen Montfort tkellem bħallikieku kien wieħed mill-inġiniera tal-enerġija nukleari li kienu jaħdmu f’Chernobyl li kienu stmati għall-għerf xjentifiku tagħhom anqas mill-ministri ġenji tal-gvern li l-fiżika studjawha biss fl-iskola sekondarja, li kienu biss esperti fil-qari tad-Das Kapital u fil-lagħqiżmu fil-konfront tal-membri tal-politburo.

Huwa tassew tal-mistħija meta tisma’ tabib kwalifikat jistqarr fil-beraħ li għandna noqogħdu fuq il-pariri mediċi ta’ avukat, li dawk is-snin kollha ta’ studju, dawk l-esperti kollha madwar mejda bid-dottorati tagħhom u msieħba akkreditati tal-kulleġġi mediċi ewlenin tar-Renju Unit u l-Istati Uniti tal-Amerika ma jiswew xejn paragunati mal-għerf suprem ta’ Robert Abela.

Imġiba bħal din hi perikoluża. Jekk fil-ġejjieni Robert Abela ser jingħata pariri professjonali mingħand tobba fl-isptar, mingħand l-inġiniera tal-kumpannija li tipprovdi l-enerġija, mingħand dawk li jaħdmu l-istatistika, mingħand dawk li jaħdmu fl-ippjanar, mingħand periti u x’naf jien – huwa ser jafda fil-pariri tiegħu u ser jimxi, kif diġà għamel bl-emerġenza medika skont dak li jiftakar minn xi kors tal-ewwel għajnuna li forsi kien segwa f’ħajtu.

Dan l-episodju jixbah dak ta’ meta Kim Jong Un għamel żjara fuq sit nuklejari fejn l-inġiniera taparsi kienu qed jiktbu notamenti dwar dak li kien qed jgħidilhom il-mexxej oraklu tagħhom. Dak li seħħ ilbieraħ qed jurina żewġ affarijiet li kien ikun aħjar li kieku ma sirniex nafu bihom. Għandna prim ministru li jafda l-parir mediku tiegħu aktar minn dak tal-esperti mediċi. U għandna espert mediku li jafda l-parir mediku tal-prim ministru aktar milli jafda l-parir mediku tiegħu stess.

Tassew b’xortina li għadna ħajjin.