Meta reġa’ bdielu dwar il-pjan li jibni marina għall-jottijiet f’Wied il-Għajn, il-gvern ried jidher drammatiku hu u jbenġilha li din kienet aħbar tajba u miraklu tad-demokrazija. Talli issa m’huma ser jagħmlu xejn, iridu jieħdu l-krettu. L-ewwel kien tkellem Chris Fearne u, fost iċ-ċapċip, stqarr li ma jaqbilx għal kollox mal-proġett. Imbagħad segwieh Owen Bonnici li stqarr li ma jaqbilx għal kollox mal-proġett. Wara li seħħ dan kollu, lil Robert Abela għamlu minn kollox biex ipinġuh bħala s-salvatur ta’ Wied il-Għajn u dan għaliex stqarr li, wara kollox, ma kienx ser iniġġżilhom lill-bajja tagħhom.
Dan m’huwa xejn ħlief att ta’ estorsjoni jew, kif isejħulha fi New York, protezzjoni permezz tal-qerq. Il-gvern iħabbar proġett li se jagħmel ħsara kbira fir-raħal tiegħek u li ser inaqqaslek bil-kbir il-kwalità tal-ħajja tiegħek. Int tipprotesta, tiddimostra, titmasħan u tirreżisti s-setgħa tal-gvern. Sakemm, għall-għarrieda, l-gvern jerġa’ jibdielu u jħabbar li, wara kollox, m’hux bi ħsiebu jħassarlek l-ambjent ta’ madwarek. Għaldaqstant għandek tkun grat lejhom għaliex ħelsuk mill-ħsara tal-imġiba tagħhom.
Tintebaħ li d-demokrazija m’hix taħdem meta tinduna li jkollok ta’ bilfors iddur lejn dawk li għamlulek il-ħsara biex tħares lilek innifsek mill-ħsara li jkunu qed jagħmlulek huma stess. Jekk qed tibża’ mill-ħsara li tal-Labour qed jikkaġunawlek, lil tal-Labour ikollok titlobhom bil-ħniena biex il-ħsara ma jagħmluhielekx u għaldaqstant għandek tirringrazzja lil tal-Labour talli m’għamlu xejn u għandek tivvota Labour biex tagħtihom ċans ieħor li jerġgħu jhedduk.
U ċ-ċiklu tas-salvazzjoni jagħmel dawra tond u jerġa’ jibda mill-bidu.